X’Qed Jgħidu D-Dilettanti Tal-Festi?!
Seta’ kien il-maltemp jew xi ġlieda bejn il-każini fil-passat li wassal biex festa titħassar. Iżjed minn hekk forsi xi inċident tan-nar ta’ kamra lokali iżda virus? Qatt! Qatt daqs dan il-mument ma ħassejna toqol minħabba s-sitwazzjoni dinjija.
L-ewwel festa li dabbritha kienet dik ta’ San Ġużepp tar-Rabat fejn l-Arċikonfraternità ta’ San Ġużepp tar-Rabat, flimkien mal-Komunità tal-Patrijiet Franġiskani, l-Għaqda Mużikali L’Isle Adam u l-Kamra tan-Nar 19 ta’ Marzu ħabbru li fid-dawl taċ-ċirkostanzi li qed iseħħu marbuta mal-COVID-19, sfortunatament b’responsabbiltà lejn is-saħħa tan-nies iddeċidew li jħassru l-festi interni li kellhom isiru fil-Knisja marbuta mal-festa ta’ San Ġużepp. Sa dak il-mument, kien hemm min ħaseb li forsi ser nieqfu hemm. Kien hemm ukoll min baqa’ jemmen li anke l-Ġimgħa Mqaddsa mhux ser tkun milquta. Iżda ftit wara l-kurja ħarġet stqarrija importanti li fl-aħħar mill-aħħar, din biex isservi ta’ ġid għal saħħet in-nies.
Fi stqarrija l-Kurja tat struzzjonijiet biex il-festi kollha għal din is-sena, jitħassru sakemm ma joħroġx digriet ieħor mill-Awtoritajiet tas-Saħħa. Tenniet li l-festi jistgħu isiru biss f’forma ta’ pellegrinaġġ ta’ talb, u quddiesa fil-Knisja. Mhux biss, iżda wkoll li ser jiġu posposti wkoll iċ-ċelebrazzonijiet tal-Griżma tal-Isqof u tal-Ewwel Tqarbina.

Ritratt: Mosta / Album Stikers Festi Maltin u Ghawdxin
Hemm min jirraġuna mod ieħor u jirrabja għaliex din is-sena l-festa tar-raħal jew belt twelidu mhux se ssir. Wieħed irid jifhem li kulħadd għandu xi delizzju u li dan ikun jinvolvi ħafna ħin ta’ sagrifiċċju u flus u anke riskju, speċjalment jekk insemmu n-nar. Imma fl-aħħar mill-aħħar, huwa ta’ gost għal xi ħadd? Mhux għall-ġid? Ejja ningħaqdu flimkien u nsabbru lil xulxin għax ilkoll qed inħossu t-telfa ta’ dan kollu. Forsi dan jgħallimna napprezzaw iżjed il-kultura tagħna anke meta sfortunatament ġieli ssib Maltin stess li jgergru fuq dan mingħajr ma jirrealizzaw li din hija l-kultura tagħna. L-iskop ta’ dan l-artiklu huwa li ningħqdu lkoll u nagħtu sapport lil xulxin. Ejja ħalli jasal iż-żmien li niċċelebraw il-festi sbieħ tagħna bl-aħjar mod possibbli u nuru l-uniċità tagħhom. Jekk inti qed tħoss din it-telf, ibgħatilna ritratt tal-padrun jew padruna ta’ raħal twelidek fuq…
Ritratt: Redentur/ Zejtun