Ħelsien Ġdid!
Kien propju 41 sena ilu; il-31 ta’ Marzu tal-1979 meta fil-Birgu tniżżlet il-bandiera Ingliża u flokha telgħet dik Maltija. Il-bajda u ħamra…storja ta’ poplu. Ġrajjiet sbieħ u oħra inqas memorabbli.
Kos hux?! Min qatt kellu jgħidilna x’kellu jiġri fl-2020. Min qatt kellu jgħidilna li l-ħelsien li kważi kull nazzjon jiġġieled għalih ser jittrasforma ruħu f’ħabs ġo daru stess. Min qatt basar?! Imma issa x’ser nagħmlu? Ser nibqgħu nitħassru lilna nfusna? Ser nitgħallmu minn dan kollu?
Mument iebes li laqat lid-dinja kollha mhux lil Malta biss. Kulħadd iħoss tiegħu! Nistgħu biss naħdmu għall-ħelsien ta’ kull wieħed u waħda minna billi nobdu u nibqgħu ġewwa sakemm dan it-turfnament jiġi fi tmiemu…u nibdew ħelsien ġdid. Ħelsien mill-materjaliżmu u ġiri sfrenat. J’Alla dan iservi ta’ tagħlima għalina lkoll biex nikkalmaw u nieqfu nitqabblu bejnietna. Nieqfu ngħiru u nimpikaw speċjalment fuq il-famuża politika.
Bilfors li l-politika tibqa’ dejjem bżonnjuża għax mingħajrha ġens ma jimxix ‘il quddiem. Iżda rridu nitgħallmu nkunu iżjed maturi. Nitgħallmu li d-differenzi m’għandhomx iffissru ħdura izda progress. Nitgħallmu li d-differenza politika hija biss viżjonijiet differenti li suppost huma kollha għall-ġid… mhux tal-partit iżda ta’ Malta Indipendenti, Repubblika u Ħielsa. J’Alla nitgħallmu! U b’vuċi emozzjonanti u bid-dmugħ f’għajnejna, ngħajtu lkoll b’vuċi soda iżjed minn qatt qabel: Viva MALTA TAGĦNA! Viva din il-gżira żgħira! Viva l-poplu tagħha; nazzjonalisti, laburisti u ta’ fehmiet oħra. Viva dak kollu li jagħmilna uniċi fid-dinja. Kuraġġ!
Posted by Jum il-Helsien 31 ta'Marzu 1979 on Saturday, 10 January 2009
Ritratt: Facebook/ Jum il-Helsien 31 ta’Marzu 1979