Tradizzjoni li ma kinitx tal-Kattoliċi!
Il-figolla hija l-aktar niċċa ħelu mfittxija f’dan iż-żmien tal-Għid. Din is-sena, għandna ċans iżjed minn qabel li nagħmluha għaliex għandna ħin fuq idna kemm irridu hekk kif ilkoll ninsabu fi djarna minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19.
Iżda interessanti l-fatt li l-figolla propjament kienet tradizzjoni pagana. Din l-idea tmur lura għal eluf ta’ snin; ovvjament f’forma mhux bħal tal-lum iżda kienet issir bħal għaġina tal-ħelu li tittiekel meta l-qamar ikun kwinta. Issa fit-tradizzjoni Kattolika, nafu li meta qamar ikun kwinta taħbar il-Ġimgħa l-Kbira.
Maż-żmien, jidher li bdiet tintuża mill-insara tal-bidu bħala biċċa ħelu li kienet qed tittiekel fl-Għid il-Kbir flimkien mal-ikla tal-ħaruf. Iż-żmien jgħaddi u bħal kull ħaġa oħra jinbidlu l-użanzi u l-mod ta’ drawwiet tal-bidu.
Illum il-ġurnata tista’ tgħid li ssib kull forma ta’ figolla u għamla. Apparti l-forom popolari bħal fniek, bajd jew ħrief li xorta naraw fihom sinifikat Kattoliku, bdejna naraw forom oħra bħal karozzi, pupi u llum anke karattri famużi li naraw fuq it-televiżjoni.
Ritratt: Facebook/ Figolli
Xi tjubija! Hawn għandkom idea ħafifa ta’ x’għandkom bżonn biex tagħmlu tagħkom. Tiddejqux tibagħtulna ritratti jew ideat ġodda ħalli naqsmuhom mal-qarrejja ta’ Wirt Malta.mt
Ingredjenti:
Għall-għaġina:
- 400g butir
- 800g dqiq
- 200g zokkor
- 3 isfar tal-bajd
- ½ kuċċarina lumi maħkuk
- tazza ilma
Għall-mili ta’ ġewwa:
- 400g zokkor
- 400g lewż mitħun
- 3 abjad tal-bajd
Triduna ngħidulkom kif issir? Jew biżżejjed hekk għalikom?! Jekk turuna interess, inkomplu ntukom aktar tagħrif!
Ritratt: Facebook/ Figolli