Żgur li mhux se jlaħħqu sas-sajf!
Fuq il-paġna ta’ Festivals Malta għadu kif tħabbar li l-karnival tas-sajf 2020 ġie mħassar minħabba s-sitwazzjoni tal-COVID-19. Din hija l-aħħar attività pubblika li għadna kif smajna li ġiet imħassra.
“Nittamaw li s-sitwazzjoni titjieb b’mod sinifikanti sa Awwissu. Iżda anke jekk jiġri hekk, ma nistgħux nirriskjaw il-benesseri tal-parteċipanti matul ix-xhur li ġejjin, li matulhom is-soltu jinbnew il-karrijiet tal-karnival tas-sajf,” intqal fuq il-mezzi soċjali ta’ Festivals Malta.
Dan huwa mod raġunat għaliex biex isiru l-karrijiet ikun hemm bżonn żmien ta’ preparazzjoni li żgur li bħalissa mhux permessibbli.
Ritratt: Festivals Malta/ Jason Borg
Intant, intqal ukoll li l-‘workshops’ li kienu ppjanati għal April se jseħħ u qed isiru arranġamenti biex dawn ikunu jistgħu jiġu aċċessati ‘online’. Dawn ser jiffukaw fuq kif wieħed javviċina s-satira kif ukoll id-disinn tradizzjonali tal-kostumi tal-karnival.
Annabelle Stivala; direttur ta’ Festivals Malta ħadet l-okkażjoni biex tirringrazzja lil dawk kollha nvoluti f’dan is-settur, għall-impenn kbir tagħhom, id-dedikazzjoni kif ukoll talli qed jifhmu s-sitwazzjoni. Bħal dejjem, kuraġġ lilkom ukoll!
Ritratt: Festivals Malta/ Jason Borg