Wara l-ewwel ktieb PASSJONI – Merging Art and Faith, issa ħareġ ktieb ieħor dwar il-vari tal-bidu filpurċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira li juru episodji mill- Passjoni li ġraw fiċ-Ċenaklu u fil-Ġnien taż-Żebbuġ. Ħlief għal Ħal Qormi f’Malta u ż-Żebbuġ f’Għawdex, li t-tnejn jibdew bl-Aħħar Ċena ta’ Ġesù mal-Appostli, il-purċissjonijiet l-oħrajn kollha jibdew b’Ġesù jitlob fil-Ġetsemani. Din il-vara, popolarment magħrufa bħala “L-Ort”, dejjem tippreżentalna lil Ġesù kkonfortat minn anġlu.
Insibu eċċezzjoni żgħira għal dan fil-vari f’Bormla, Ħal Qormi u, għal xi żmien ukoll, fil-Katidral ta’ Għawdex, fejn minflok anġlu wieħed insibu tnejn. Fl-Imġarr f’Malta għandna statwa innovattiva fejn minbarra l-figura ta’ Ġesù u l-anġlu nsibu wkoll żewġ puttini jżommu s-simboli tal-Passjoni.
Ritratt: Mario Cocker
Vara oħra hija dik li tirrappreżenta t-tradiment ta’ Ġuda l-Iskarjota. Din kienet introdotta Ħal Qormi fl- 1907 u baqgħet l-unika waħda f’Malta sakemm fl-1961 iżżanżnet oħra fil-purċissjoni taż-Żejtun. Madankollu, il-vara ta’ Ġuda baqgħet ma ġietx introdotta fil-purċissjonijiet kollha fil-gżejjer tagħna ħlief Bormla, Ħal Luqa, Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta, in- Naxxar, ir-Rabat, iż-Żejtun u Raħal Ġdid, f ’Malta, kif ukoll in-Nadur u x-Xagħra f ’Għawdex.
Il-Ġnien taż-Żebbuġ, jew il-Ġetsemani, jinsab f’riġlejn l-Għolja taż-Żebbuġ biswit il-belt ta’ Ġerusalemm. Dan il-ġnien fejn Ġesù qatta’ parti sew mill-aħħar lejl tiegħu u fejn ġie ttradut u arrestat hu marbut sew mal-ġrajjiet tal-Passjoni. Il-ġrajja ta’ Ġesù jitlob fil-Ġetsemani nsibuha rrakkuntata fl-erba’ vanġeli, għalkemm b’xi dettalji u enfasi differenti.
Ritratt: Mario Cocker
San Mattew jirrakkonta kif wara l-ikla Ġesù mar mad-dixxipli tiegħu f’qasam “jgħidulu l-Ġetsemani”, fejn talabhom joqogħdu bilqiegħda sakemm imur jitlob. Ħa miegħu lil Pietru, Ġakbu u Ġwanni u qalilhom li kellu ruħu “imnikkta għall-mewt”. Talabhom jishru miegħu mbagħad hu mexa kemxejn ’il quddiem u nxteħet wiċċu fl-art jitlob, “Missier, jekk jista’ jkun biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien iżda kif trid int.” Għal tliet darbiet Ġesù ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin. Fir-rakkont insibu wkoll li f’ħin minnhom ġie Ġuda l-Iskarjota b’ġemgħa kbira ta’ nies miegħu, armati bis-sjuf u l-bsaten. Ftit wara li Ġuda bies lil Ġesù b’sinjal li kien hu, wieħed mid-dixxipli qata’ widint il-qaddej tal-qassis il-kbir. Wara dan, id-dixxipli “kollha” ħarbu u Ġesù ttieħed quddiem Kajfa.
Ir-rakkont skont San Mark sostanzjalment jirrepeti dak skont Mattew, jiġifieri l-agunija ta’ Ġesù, it-tradiment ta’ Ġuda u li “wieħed minn dawk ta’ madwaru” qata’ widint il-qaddej. Dettall li nsibuh biss f’San Mark jirreferi għal żagħżugħ li mar wara Ġesù mgeżwer b’liżar u, għalkemm qabduh, telqilhom illiżar f’idejhom u ħarab għeri.
Anki r-rakkont skont San Luqa jixbah ħafna lil dak ta’ San Mattew, bid-differenza li jagħti dettalji dwar l-għaraq li ħareġ lil Ġesù li “sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar fl-art”. Dettall ieħor li nsibuh biss f’Luqa huwa li Ġesù mess il-widna tal-qaddej u fejqu. Għalkemm Ġwanni jgħid li Ġesù mar fi ġnien fuq in-“naħa l-oħra tal-Wied ta’ Kedron”, għall-kuntrarju tal-Evanġelisti l-oħra ma jsemmi xejn dwar l-agunija ta’ Ġesù. Fir-rakkont skont Ġwanni, Ġesù jidher li kien jaf b’kulma kien ġej fuqu u għalhekk mar hu stess fuq dawk li ġew biex jarrestawh u staqsiehom lil min qed ifittxu. Għall-kliem tiegħu “Jiena hu”, dawk resqu lura u waqgħu fl-art. Ġesù pproteġa lid-dixxipli u fejjaq ilqaddej tal-qassis il-kbir midrub minn Pietru. Ġwanni hu l-uniku evanġelista li jgħidilna li l-qaddej kien jismu Malku. Dawn ir-rakkonti juru ċ-ċentralità li dan il-post għandu fir-rakkont tal-ewwel fażi tal-Passjoni, jiġifieri l-agunija ta’ Ġesù fil-Ġetsemani u t-tradiment ta’ Ġuda.
Il-ktieb jinsab għall-bejgħ mingħand Horizons, Agenda u ħwienet tal-kotba. Dan il-ktieb huwa b’kummentarju tal-istoriku Mario Coleiro u fotografija minn Mario Cocker.
Ritratti: Mario Cocker