Għeruq sew fl-istorja tagħna!
Forsi naraw il-vari tal-Ġimgħa Mqaddsa u nistaqsu: Imma kif bdiet din it-tradizzjoni u meta? L-ewwel purċissjonijiet bil-vari tal-Ġimgħa l-Kbira f’Malta bdew fis-seklu 17. Kienu bdew fiż-żewġ knejjes tal-Franġiskani Minuri tar-Rabat u tal-Belt Valletta.
Wara, bdew isiru fil-Kottonera. L-aktar purċissjoni antika f’Għawdex hija dik tal-Bażilika ta’ San Ġorġ li bdiet fil-bidu tas-seklu 19. Warajha, bdiet dik tan-Nadur fl-1913.
Fil-bidu, il-purċissjonijiet ma kellhomx ammont kbir ta’ vari, sa anke waħda biss. Fil-Birgu, fil-Katidral u f’San Ġorġ Għawdex insibu vari mlibbsin bil-bellus filwaqt li fiż-Żebbuġ, Għawdex, il-vari huma mlibbsin b’ilbies tan-newl.
Ħal Qormi kien l-ewwel lokal li daħħal id-disà vara; dik tat-tradiment ta’ Ġuda. L-akbar numru ta’ vari nsibuhom f’Ħal Qormi u fiż-Żejtun li għandhom 12-il vara kull wieħed.
Iċ-Ċena nsibuha biss f’Ħal Qormi u fiż-Żebbuġ Għawdex. Il-Vara tad-Duluri tista’ tgħid li ssibha f’kull lokal f’Malta u Għawdex, saħansitra anke dawk il-postijiet li m’għandhomx purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira.
Dawn il-vari f’pajjiżna nħaddmu minn skulturi magħrufa; Pawlu Azzopardi, Karlu Darmanin, Abraham Gatt, Mariano Gerada, Saverio Laferla u dawk riċenti minn: Wistin Camilleri, Alfred u Michael Camilleri Cauchi, Ġlormu Dingli u Antonio Farrugia.
Filmat: My Name is Malta Clothing Line
Ritratt: MEDSEAS Catholic Journeys