Il-Kavallieri ma kellhomx sptar għan-nisa!
Il-Kavallieri nafu li primarjament qabel ma kienu suldati tal-battalji, kienu ospidalieri. Dan ifisser li kienu jagħtu servizz medikali b’attenzjoni speċjali fuq kwarantini, ferimenti u dak kollu li kien jinqala’.
Fl-1654, it-tabib Malti Nicolò Saura waqqaf l-isptar San Nikola. Dan it-tabib kien ħalla ġidu kollu għall-isptar kif għamlet bħalu bintu, Isabella. Dan l-isptar nistgħu ngħidu li kien l-ewwel wieħed f’Malta biex jintuża sabiex fih jiġu rikoverati l-anjzani u l-morda kbar fl-età.
Għan-nisa ma kienx hawn sptar, iżda sinjura minn Siena fl-Italja, Caterina Scappi, waqqfet dar bl-isem ta’ Santa Maria della Scala li ntużat bl-iskop ta’ sptar żgħir għan-nisa. L-istess sinjura akkwistat dar oħra qrib is-Sagra Infermerija fil-Belt Valletta u l-isptar tan-nisa mbagħad, ġie trasferit hemmhekk.
L-isptar kien issussidjat mill-Ordni. Caterina baqgħet tieħu ħsieb it-tmexxija tiegħu sakemm mietet fl-1655. Imbgħad ingħalaq mill-Kavallieri stess li wara, rrealizzaw li kienu għamlu żbal. L-aktar nisa li kienu pazjenti fih kienu prostituti morda bis-sifile.
Ritratt: Sagra Infermerija/ Tripwolf