Għada L-Irxoxt!
Hekk inħobbu ngħidu aħna l-Maltin flok nużaw il-kliem: L-Għid il-Kbir. U ma hemm xejn ħażin għaliex wara kolox din il-kelma hija sinonima mal-kelma irxoxta; kif għamel Ġesù Kristu.
Min jaf kemm bħal għada jkunu ħafna dawk li joħorġu bi ħġarhom fil-parroċċi fejn hemm statwa ta’ Kristu Rxoxt biex jiċċelebraw dan il-jum tant importanti għall-Kattoliċi. Fil-fatt din hija l-akbar festa tal-Knisja Kattolika. Xi drabi nitħawwdu u naħsbu li l-Milied huwa l-akbar festa mentri huwa l-Għid l-Kbir l-akbar festa.
Din l-istatwa ta’ Kristu Rxoxt aktarx saret minn skultur Spanjol u fl-1741 nġiebet lejn Bormla minn Napli. Din ingħatat lil Celestino Sacco mill-Kaptan Scarinu u li mbagħad, irregalaha lill-Fratellenza tal-Kurċifiss fis-7 ta’ April tal-1742.
Irridu niftakru li l-fratellanzi kienu importanti ħafna u kellhom ukoll ċerta awtorità fil-knejjes rispettivi. Issib fratellanzi li jorganizzaw il-festi titulari huma u jkollhom ċerti drittijiet ukoll. Li tirregala statwa lill-fratellanza jew lil xi parroċċa kienet unur u privileġġ; kemm biex juru s-saħħa tal-familja imma wkoll bħala devozzjoni.
Din l-istatwa hija tal-injam b’qabar miksi bil-fidda fuq disinn tal-Bormliż Abraham Gatt.
Fil-filmat qed naraw xeni ta’ meta nkixef mill-ġdid l-Irxoxt ta’ Bormla fil-21 ta’ April 2019 wara li ġie rrestawrat. Magħruf ukoll għall-ġirja tradizzjonali li jagħmlu bih.
Ritratt: Facebook/ L-Irxoxt ta’ Bormla