Mhux dejjem kellna kollox skjerat fil-mużew bħal-lum!
Xi tfisser ‘Arkeoloġija’?
Din il-kelma tirreferi għall-istudju tal-istorja umana u pre-istorika permezz ta’ skavar ta’ siti u analiżi fuq artifatti u fdalijiet oħra.
Illum min jaf kemm smajna, qrajna u rajna produzzjonijiet dwar l-arkeoloġija Maltija. Imma mhux dejjem hekk kien għal pajjiżna. L-interess fl-antikitajiet sew ta’ Malta jmur lura għas-seklu 15. Kien ikun hemm anke tilwim bejn qassisin u nies nobbli dwar il-propjetà ta’ fdalijiet li jinstabu wara tħaffir ta’ xi għelieqi jew bini antik.
L-eqdem kollezzjoni li nafu biha f’Malta kienet dik ta’ Ġan Franġisk Abela li kien ta’ pożizzjoni għolja fi ħdan l-Ordni ta’ San Ġwann. Kellu madwar 5 ikmamar fil-villa tiegħu fil-Marsa mimlija fdalijiet. Dawn isemmiehom fil-kitbiet tiegħu f’: Descrittione Di Malta fejn anke jagħmel referenza għal fdalijiet rumani u anke dawk b’assoċċjazzjoni bibblika f’pajjiżna.
Nistgħu ngħidu li Abela kien wieħed mill-veru ftit nies f’pajjiżna li kellu interess nazzjonali f’dawk iż-żmienijiet. Ma biegħx dawn il-fdalijiet biex juri s-saħħa u l-poter kif kienu jagħmlu xi nobbli oħra. Iżda ma jfissir anqas li d-deskrizzjonijiet li ta hu stess, kienu veritieri. Li nistgħu ngħidu fiċ-ċert hu, li apprezzahom u rrealizza li kellhom valur uniku.
Wara mewtu Abela ħalla l-kollezzjoni tiegħu lill-Ġiżwiti iżda sfortunatament, dawn tkeċċew minn pajjiżna mill-Gran Mastru Pinto u l-famuża kollezzjoni, spiċċat xterdet u nqasmet bejn il-kavallieri nobbli, il-bereġ u min jaf fejn aktar.
Imma l-istorja ssellem lil Ġan Franġisk Abela li kien l-ewwel bniedem li wera interess ġenwin lejn dak li hu tant antik misjub f’pajjiżna.
Dawn huma dettalji mill-kitbiet u tġenġijiet tiegħu stess dwar il-kollezzjoni li kellu tas-sejbiet li sab u ra. (Tista’ tagħfas fuq ir-ritratt biex tara fil-kobor)
Ritratt: Descirttione di Malta della Commendatore Gian Francesco Abela