Issa bil-Warrant!
Nhar it-Tlieta, 27 ta’ Marzu 2020, il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali, nieda l-applikazzjonijiet onlinebiex professjonisti li jaħdmu fil-qasam tal-konservazzjoni u restawr ikunu jistgħu jiksbu rikonoxximent formali u legali, permezz ta’ warrant maħruġ mill-Bord tal-Warrant tar-Restawraturi, kif imniżżel fl-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali.
Dawn se jkunu responsabbli biex iġeddu l-‘ħajja’ tal-patrimonju kulturali (Oġġetti ta’ arti u kultura li għandhom aktar minn 50 sena) biex ingawduhom aħna fil-preżent u kif ukoll il-ġenerazzjonijiet futuri. L-għaqda u l-membri tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Konservaturi u Restawraturi Professjonali MAPCo-Re, jinsabu kuntenti għal dan il-pass. Din se żżid ir-responsabbilta` lejn il-patrimonju kulturali fuq valuri varji, li jinkludu dak artistiku, storiku u estetiku, b’approċċ xjentifiku.
L-proċess tal-applikazzjoni għall-warrant mistenni jieħu madwar 6 xhur u tista’ tinkiseb wara li l-applikant kwalifikat ikun għamel sentejn jaħdem fil-qasam. Dawk kollha kwalifikati fil-Konservazjoni u Restawr mill-Università jistgħu jieħdu l-warrant imma jridu japplikaw u jipprovdu dokumenti ta’ esperjenza u ta’ xogħol li sar fis-snin li għaddew. Apparti minn hekk se jkun hemm intervista mal-bord tal-warrants. Apparti l-warrant għall-professjonisti, se tkun qed tinfetaħ applikazzjoni għal ċertifikati ta’ ‘Ħila tal-Patrimonju’ li jikkwalifikaw għalihom nies tas-sengħa skond rekwiżiti partikolari.
Din se tkun l-ewwel professjoni fil-qasam tal-kultura li se tkun regolata legalment.
L-MAPCo-Re, tirringrazzja lill-membri tagħha li emmnu f’dan il-pass progressiv fil-professjon, lill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u Gvern Lokali Dr Jose Herrera kif ukoll lill-Ministri tal-passat li kienu responsabbli għall-patrimonju kulturali. Irringrazzjaw ukoll lill-individwi kollha nvoluti fil-kreazzjoni u fl-iżvilupp ta’ din il-Warrant Professjonali, kif ukoll dawk li għenuhom legalment u bil-pubbliċità tagħhom.
Il-President ta’ MAPCo-Re James Licari saħaq li hu u l-membri, jinsistu u jsegwu l-linji gwida lokali u kif ukoll dawk internazzjonali. MAPCo-Re tinkoraġixxi lil dawk kollha li qed jaħdmu f’dan il-qasam tax-xogħol biex jingħaqdu magħha f’din ir-responsabbilta` legali.
Għal aktar informazzjoni żuru: https://culture.gov.mt/en/culturalheritage/Pages/BordtalWarranttarRestawraturi.aspx