Pjattaforma wkoll għall-artisti lokali
Dan is-sit jaħseb ukoll fl-artist Malti u qed joffri dan l-ispazju bħala pjattaforma għalihom; għaliex huma l-artisti li jfakkru f’wirt Malta permezz tal-kitba, pittura, skultura, mużika u kull mod ieħor li jibqa’ hemm, jgħaddi kemm jgħaddi ż-żmien.
Forsi ġieli nnutajtu l-arti meraviljuża ta’ Kevin Sciberras fuq facebook.
Kevin Sciberras twieled fl-1978 u beda l-istudju formali fl-arti mas-Socjeta tal-Arti, Manifattura u Kummerc. Kompla wkoll jistudja mal-artisti Charles Cassar u Harry Alden kif ukoll ma’ Joseph Micallef u Tony Sciberras fl-iskola tal-arti gewwa l-Belt Valletta. Studja wkoll l-istorja tal-arti fl-Universita’ ta’ Malta. Huwa pparteċipa f’diversi wirjiet kollettivi u tella’ wkoll tliet esebizzjonijiet personali.
Kevin Sciberras huwa magħruf l-iktar ghax xogħlijiet tiegħu li jirrapreżentaw pajsaġġi urbani u spazji madwar Malta u Għawdex. Ħafna drabi l-artist jiffoka fuq l-elementi arkitettonici ta’ pajjiżna bħall-imqades Neolitiċi, il-knejjes Barokki, il-fortifikazzjoniet, il-gallariji u aspetti oħra li jirrfilettu il-wirt storiku tagħna.
Kultant, l-artist jesplora wkoll spazji interni u xhieda ta’ dan huma l-kwadri li jirrapreżentaw it-teatru Manoel minn ġewwa jew il-kappella t’Aragona fil-kon-katridral ta’ San Ġwann fil- Belt Valletta.
Ix-xogħlijiet semi-astratti ta’ Kevin Sciberras huma mahdumin bl-akrilika fuq it-tila. L-artist jirnexxilu jwaħħad il-forom realistiċi tal-arkitettura ma’ dawk astratti u għalhekk finalment, is-suġġett jieħu xejra kważi surreali.
Kull pittura hija taħlita ta’ elementi arkitettoniċi dettaljati u forom astratti minsuġa b’mod trasparenti. Għalhekk bħal donnu kull suġġett joħroġ mill-kuntest oriġinali tiegħu u jingħata ħajja u atmosfera ġdida. Ħafna drabi naraw ukoll kuntrasti kemxejn ħorox ta’ dawl u dlam li jkomplu jagħtu iktar dehra misterjuza.
Kevin, minn wirtmalta.mt nixtiequlek aktar suċċess u ispirazzjoni mill-wirt ta’ pajjiżna!