Tasal titraddixxi lil pajjiżek?!
Forsi mistoqsija ovvja; tasalx titradixxi lil pajjiżek. Żgur li le. Kif jista’ jkun tiċħad lill-art li rabbietek? Imma mhux dejjem hekk jiġri fl-istorja.
Carmelo Borg Pisani kien persuna li forsi meta tirriċerka dwaru, titħawwad għamilx li għamel għall-ġid ta’ Malta jew le. Storiċi jgħidu li Borg Pisani kien jemmen li biex Malta tieħu r-ruħ riedet teħles mill-ħakma Ingliża.
Flimkien ma’ grupp ieħor ta’ Maltin li bdew jissejħu ‘irredentisti’, huma marru l-Italja u ngħaqdu mal-Partit Faxxist Taljan.
Ritratt: Carmelo Borg Pisani u dokument li juri li ngħata ċittadinanza Taljana/ tvm.com.mt
Meta faqqgħet il-gwerra ried jgħin volontarjament lis-servizzi Taljani iżda ma tħallhiex għaliex kellu viżta baxxa ħafna. Kompla jinsisti sakemm kien aċċettat ma’ grupp imsejħin tal-‘Flokk Iswed’. Ta sehemu wkoll f’battalji Taljani f’pajjiżi oħra bħal f’Kefallinia fil-Greċja u minn hemm, iddaħħal fis-servizz intelliġenti militari speċjali.
Fit-18 ta’ Mejju tal-1942, Borg Pisani offra li jkun voluntier spija f’missjoni f’Malta li kienet maħsuba biex ftit wara, l-Italja tinvadi pajjiżna. Tniżżel qrib l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli f’Ras id-Dawwara u beda jgħix ġo għar li kien jaf sew fi ċkunitu.
Hemmhekk ma tantx dam minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp u ddeċieda li jidħol ‘il ġewwa fil-qalba tal-gżira. Ħabib ta’ tfulitu, il-Kaptan Tom Warrington għarfu u Carmelo Borg Pisani kien arrestat, interrogat u akkużat li kien traditur.
9 t’ijiem wara ngħata l-mewt bil-forka u l-aħħar sentenza tiegħu kienet: “Ma jimpurtax li se mmut, imma ninsab imdejjaq li l-Italja għadha ma nvadietx lil Malta.”
Tajjeb li jingħad li Borg Pisani ngħata l-ogħla dekorazzjoni militari Taljana; il-midalja tad-deheb mir-Re Vittorio Emmanuele III ftit jiem wara mewtu.
Ritratt: http://www.ww2incolor.com/