Tbeżbiża ta’ mħabba!
Bis-saħħa tal-Covid-19 smajna u drajna iżjed li l-indafa hija prijorità f’kull mument. Iżda bħal donnu l-bniedem kultant irid min ifakkru!
Iżda meta nħarsu ftit lejna nfusna bħala poplu, taħsbu li aħna verament indaf jew jimpurtana minn tagħna u li hu ta’ kulħadd, ma tantx nagħtu kasu.
Hija sfortuna li għadek tara min jarmi barra, mhux karta jew pakkett tas-sigaretti, imma anke ‘heater’ jew saqqu. U xi ngħidu għall-boroż tal-plastik. Qisna filli naraw progress għax il-midja tkun qed tgħin billi tfakkarna spiss dwar il-ħsara ambjentali, u mbagħad bħal donnu nerġgħu mmorru lura u ninsew.
Possibbli dan ukoll irridu nfakkruh lill-bniedem? Ma jirrealizzax l-uman, xi kruha hemm meta jara barra maħmuġ? Għadna naħsbu li ġewwa tagħna u barra le? Meta se nitgħallmu? Imma possibbli? Agħar minn hekk, jekk tikkoreġi lil xi ħadd, jaħtfek u kieku jista’ jieklok ukoll!
Taħsbu li jkun sabiħ li artiklu ta’ din ix-xorta jitħalla miktub u jarawh il-bnedmin li jridu jgħixu f’pajjiżna fil-futur? Ma tisħix kieku inti? Jew għadna naħsbu ‘u iva mhux għalija qed jgħid imma b’mod inġenerali!’?
Ejja veru nuru l-kburija b’pajjiżna; mhux b’bandiera biss fuq il-bjut tagħna u bil-messaġġi li niktbu fuq il-mezzi tal-midja soċjali. Wasal iż-żmien, li dawn id-diskussjonijiet anqas biss għandhom jissemmew għaliex artna tkun nadifa tazza!
(Dan l-artiklu huwa maħsub li jqajjem kuxjenza u bl-ebda mod ma jirreferi għall-pubbliku kollu. Hemm min verament joqgħod attent; daqs li kieku barra jinsab fil-kċina tiegħu u jżomm nadif, il-kunsilli lokali jagħmlu ħilithom biex iżommu l-ibliet u l-irħula ndaf, il-Gvern u l-entitajiet ukoll jaħdmu qatiegħ biex Malta u Għawdex jinżammu nodfa. Imma jidher li qatt mhu biżżejjed għax ikun hemm dawk il-ftit li ma jimpurtaħhomx!)
Ritratt: Times Of Malta