Minn Wirtmalta.mt ħsibna li minn żmien għall-ieħor, nippreżentawlkom ħrejjef Maltin antiki. Ser nibdew b’din mill-pinna ta’ Patri Manuel Magri S.J. li twieled fil-Belt Valletta fl-1851 u miet fi Sfax fit-Tuneżija fl-1907
Kien hemm mara miżżewġa ma’ kaċċatur liema bħalu. Is-Sultan ta’ dak iż-żmien kellu ħafna tajr sabiħ u kien jiġi golfu (tajra li skond Magri toħroġ bil-lejl, teqred it-tajr l-ieħor u kellha setgħa tal-għaġeb fuq il-bnedmin. Aktarx kienet riferenza għall-falkun Malti għax kellu ġmiel bil-bosta u l-għasafar iżgħar kienu jibżgħu minnu), jikolhomlu. Bosta nies kienu marru biex jaqbduh ħaj jew mejjet, imma ħadd ma reġa’ lura għax il-golfu kien jagħmilhom tal-melħ u kienu jibqgħu hemm iebsin u weqfin bħala vari tal-ħaġar. Is-Sultan ried li dak il-kaċċatur imur u jeqridlu l-golfu.
Mar u ġralu bħall-oħrajn. L-imsejken ħalla tifel warajh u omm, li meta rat x’ġara lil żewġha ħbiet lil binha s-sengħa ta’ missieru u l-għodda kollha tal-kaċċa. Daqqa kienet tgħidlu li kien ħajjat, daqqa ħaddied u ħwejjeġ bħal dawn.
It-tifel beda jikber u ħa n-namra tal-kaċċa u ħareġ jinqala sewwa; għal kull fejn jiġbed, jolqot.
Is-Sultan bagħat għalih u riedu jmur għall-golfu. Din il-ħaġa qalagħha dak li jiġi wara s-sultan għax billi fiż-żmien kellu xi jgħid ma’ missier it-tifel, kien jgħir għalih.
It-tifel qal lis-Sultan: “Immur għand ommi nistaqsieha.” Issa ommu kienet għaġeb tal-għerf. “J’omm”, qalilha, “is-Sultan iridni mmur noqtollu l-golfu” “Ma nafx ibni tarġax lura; għidlu jagħtik ħamsin skud.”
Is-Sultan tah li ried. Huwa telaq, sab il-golfu u mal-ewwel tir, qatlu u ħadu lis-Sultan.
“Offja għalik”, qallu dana. “Tinqala’ sewwa!”
(Ċerti ħrejjef antiki, ġieli jkun diffiċli tifhimhom. Iżda tajjeb li dawn ma jispiċċawx. Apparti minn hekk, ninnotaw il-kliem użat; uħud minnu anqas qatt smajna bih fi żmienna.)
Ritratt: Falkun Malti