Illum imdorrijin bl-elettriku iżda qabel…
Sa nofs is-seklu 20 kien għad hawn bosta familji li jużaw il-kenur; magħmul minn blokka tal-ġebel b’erba’ kantunieri li fuqhom tistrieħ borma u fin-nofs ikun hemm il-ħatab jaqbad.
Taħt il-ħatab, il-ġebla kienet tkun imxaqqa biex l-irmied jinżel isfel ġo ħofra li kienet tinfed sal-faċċata tal-kenur. Din il-ħofra fuq quddiem tal-kenur kienet isservi wkoll biex minnha jrewwħu n-nar ħalli jieħu l-ossiġnu tal-arja u jaqbad aktar.
Ritratt: Kenur/ littlerock.com.mt
Il-kenur kien jinbiegħ mis-swieq jew minn fuq xi karettun. Tajjeb li nsemmu li ħafna nisa tad-djar kienu jqabbduhom fil-btieħi ta’ darhom minħabba d-duħħan li kien jifgak u jaħraq l-għajnejn. Kont issib minn ma riedx jixtri kenur u kien iqiegħed żewġ ġebliet fl-art u jaħraq il-ħatab fl-ispazju ta’ bejniethom.
Biex iqabbdu n-nar kienu jużaw l-aktar l-injam. Min jaf kemm tkissret għamara jew anke forsi oġġetti ta’ valur speċjalment fi żmien il-gwerra meta l-għaks kien jagħmel tiegħu.Kienu jużaw ukoll zkuk tas-siġar fejn it-tfal kien l-għors tagħhom joħorġu jfittxu xi zokk tajjeb għall-ħarqa.
Bosta familji, l-aktar fl-ibliet ma kinux jistgħu jiġbru l-ħatab huma anke minħabba l-idea ta’ klassi għalihom. Għalhekk kienu jixtru. Kont issib nisa u rġiel li jmorru jduru fit-toroq bl-ixkejjer fuq spallithom jew fuq karettun mimlijin bix-xewk (zkuk li jkollu x-xewk), zkuk u bagħar tal-bhejjem (materjal li jinġabar minn taħt l-annimali u li kien jgħin biex iqabbad in-nar).
L-għajta tagħhom kienet: “Tal-ħatab” jew “Tax-xewk”. Kien hawn ukoll min juża l-faħam li kienu jgħidulu ‘tal-kannol’ imma kien aktar għoli.
Kos hux, illum ġew ivvintati kull tip ta’ ‘cooker’ u qabel, li jkollok kenur id-dar kien lussu! Kemm jinbidlu ż-żminijiet!
Ritratt: Kenur/ il-miklem.com