Qatt kont taf b’din il-ġrajja?
Ħal Lija jinsab viċin Ta’ Qali fejn tul it-Tieni Gwerra Dinjija kien hemm mitjar militari. Minħabba f’hekk, fl-irħula viċin spiss kien ikun hemm inċidenti relatati mal-ajru.
Propju fl-1942, ajruplan tat-tip Spitfire kien qed jiġġieled kontra ajruplani tal-għadu, intlaqat u l-bdot miet. Iżda l-ajruplan baqa’ jtir bla kontroll sakemm ikkraxxja f’post abitat. Il-bdot kien Kanadiż ta’ 22 sena.
Ritratt: Spitfire li kien jintuża fit-Tieni Gwerra Dinjija
Inzerta li fejn waqa’ l-ajruplan, kien hemm Malti għaddej bir-rota fi triqtu lejn il-Mosta, li kien għadu kif spiċċa mix-xogħol u skond in-nies ta’ Ħal Lija, jirrakontaw li għadda jixtri s-sigaretti.
Dan il-Malti ntlaqat mill-ajruplan u miet mill-ewwel. Mal-ħitan taħt in-niċċa fir-ritratt u anke fid-daħla ta’ Triq is-Salvatur, għadhom jidhru xi marki li ħalla l-ajruplan.
Ritratt: Taħt il-plakka tal-irħam taħt in-niċċa, jidhru sinjali mmarkati li saru mill-ajruplan
Inħeġġukom tmorru mixjiet fl-irħula Maltin u tinnotaw dawn l-imkejjen. Żgur li huma stejjer mhux daqshekk magħrufa ma’ kulħadd imma li huma parti mill-passat tagħna u ta’ missirijietna.
Ritratt: Id-daħla ta’ Triq is-Salvatur fejn waqa’ l-ajruplan