Bħal-lum 25 ta’ April 100 sena ilu, il-Papa Benedittu XV ta permess biex jiġi ffirmat id-digriet biex tiġi nkurunata l-vara mirakoluża u devota ta’ Marija Bambina tal-Belt Senglea.
Din ta’ hawn taħt hija t-traduzzjoni li għamel L-Kan. Tez. Dr Jonathan Farrugia tad-digriet:
Lill-wisq għażiż u Reverendissimu Sinjur Mawru Caruana Arċisqof ta’ Rodi u Isqof ta’ Malta; Sliem fil-Mulej. Int ftit tal-ġranet ilu esponejt lill-Kapitlu tagħna x-xewqa li x-xbieha li hija venerata fil-knisja Kolleġġjata u Arċipretali fil-belt Senglea fid-djoċesi tiegħek tibda tgawdi mid-dritt u l-ġieħ tal-inkurunazzjoni.
Dan jixraq lix-xbihat imqaddsa u magħrufa ta’ Omm Alla jew inkella lil dawk ix-xbihat li għandhom kult ġej minn żminijiet imbiegħeda jew li lilhom ġiet attribwita kwantità ta’ mirakli. L-imsemmija xbieha fit-talba tiegħek hija l-wisq magħrufa xbieha, jew statwa, tal-Imqaddsa Verġni Marija, is-Sinjura tagħna, raffigurata bħala tifla, u għedtilna wkoll dwar il-ħafna mirkali u grazzji li hi tferra’ bħal minn ġo buqar fuq id-devoti fidili tagħha bħal Omm ħanina.
Semmejtilna wkoll li l-kult tagħha rabba sewwa l-għeruq minn żmien twil ilu permezz tal-qima kbira li trawmet lejha fost iċ-ċittadini kollha tal-Gżira tiegħek, speċjalment wara li kemm ir-rebħa tal-Insara kontra t-Torok, li rtiraw minn Malta nhar is-7 ta’ Settembru 1565, kif ukoll il-fatt li meta xterdet l-epidemija fis-sena 1813 u ċ-ċittadini tal-belt tagħha ħelsu bla ma tniġġsu mill-mard, ġew attribwiti għall-patroċinju tagħha.
Għaldaqstant, grazzi għall-imħabba mmexxija minn din id-devozjoni singulari, bla dubju naqblu mat-talba tar-Reverendissimu Kapitlu, tal-bqija tal-kleru u l-poplu, li int, mimli ħeġġa, wassaltilna, sabiex din ix-Xbiha nobbli tiġi mżejna b’kuruna tad-deheb. Sabiex din ix-Xbiha straordinarja ta’ Omm Alla tiġi inkurunata, skont id-drawwa, mill-Kapitlu tagħna, Aħna, li dejjem ninsabu imqanqlin sabiex lill-Verġni Mqaddsa tingħata qima devota u mimlija radd il-ħajr mill-bnedmin kollha u kullimkien, wara li ordnajna li jsir studju minn esperti kif għandha tiġi onorata l-istess Verġni Mqaddsa, imdawwla wkoll mit-talb, nhar il-11 ta’ April ta’ din is-sena, waqt li konnha ninsabu miġburin fl-Awla Kapitulari, ħadna nota tat-talba miktuba fl-ittra tiegħek fuq il-kult antik ta’ din ix-Xbieha msemmija u tal-mirakli u l-grazzji magħrufa b’kull mod li hi wasslet lid-devoti tagħha.
Minn hawn nilqa’ il-wisq nobbli talba tiegħek, li waslitilna bil-ferħ mir-Reverendissimu Don Giuseppe de Bisogno dei Marchesi di Casaluce, dekan tal-Kaptlu tagħna, u naċċertaw li stħarriġna jekk din l-Imqaddsa Xbiha għandhiex kull ma huwa meħtieġ biex tkun inkurunata solennement. B’dan mod, għall-glorja tat-Trinità Qaddisa, iddeċidejna u qed nagħtu permess li din l-istess Imqaddsa Xbieha jew statwa tal-Imqaddsa Verġni Marija raffigurata bħala Tifla tkun imżejna b’kuruna tad-deheb waqt ċerimonja solenni mmexxija minnek.
Apparti milli qed nagħtuk il-permess tagħżel il-mod kif għandha ssir iċ-ċerimonja tal-inkurunazzjoni, u li tagħżel il-jum meta din għandha ssir, lilek, wisq għażiż u Reverendissimu Sinjur, permezz ta’ dan id-digriet preżenti, nagħtuk permess ukoll sabiex tawtorizza Isqof ieħor bħala delegat tiegħek, jekk int għal xi raġuni ma tkunx tista’ tmexxi din iċ-ċerimonja.
Mogħti f’Ruma nhar il-25 ta’ April tas-sena tal-Mulej 1920 matul is-sitt sena tal-pontifikat tas-Sinjur Qaddis Tagħna Benedittu XV, Papa. Giolio Malvezzi de S. Candida Segretarju Giuseppe Cascioli Kanċillier.
Ritratt: Id-digriet innifsu
Ritratt: Facebook/ Parroċċa Senglea