Żgur li qrajtu dwarha u anke forsi nnutajtuha xi drabi intom u deħlin f’Marsaxlokk; Villa Sans Souci. Il-villa mibnija mill-Professur Salvatore Luigi Pisani bħala r-residenza tiegħu fl-1870. Abbli tissejjaħ ‘sans souci’ biex tirreferi li hija villa bla kura u attenzjoni. Fil-fatt ‘sans souci’ bil-Franċiż tfisser propju hekk!
Ritratt: Villa Sans Souci-Marsaxlokk/ Ghost Suqad Malta
Jidher li Profs Salvatore kien jgħix fil-Belt Valletta qabel u ta d-dar tiegħu lil kuġintu Giovanna Manche li żżewġet lill-Professur il-Kurunell Lorenzo Manche fl-1870. Iżda baqa’ jgħix magħhom fil-Belt sakemm tlestietlu l-villa f’Marsaxlokk.
Ritratt: Profs. Salvatore Luigi Pisani/ Ghost Squad Malta
Fl-1885 kien appuntat bħala Uffiċjal Mediku tal-Gvern ta’ dak iż-żmien; l-ewwel wieħed li kellu din il-pożizzjoni f’Malta.
F’din il-villa jingħad li għex għal madwar 13-il sena imbagħad miet fl-età ta’ 80 sena. Jingħad li kellu marda u li ndifen fiċ-ċimiterju tal-Addolorata.
Din il-villa bdiet tintuża bħala r-residenza tas-sajf għall-familja Manche. Intużat ukoll bħala ‘guest house’ fis-snin 30 tas-seklu 20 sakemm inbiegħet mill-familja fl-1940.
F’din il-villa kien hemm xogħol arkitettoniku mill-isbaħ. F’postijiet fiha għad hemm il-madum Malti l-antik u anke tidher żebgħa li saret snin twal ilu. Interessanti wkoll li hemm xogħol ukoll mill-artist Lazzaro Pisani li kien ħabib tal-Profs innifsu.
Maż-żmien sfat abbandunata; kienet lok għall-vandali u għal ħafna użu xi ftit mistmerr ieħor. Inħadmu wkoll bosta sensiliet televiżivi li ġieli wżaw din il-villa fl-isfond bħala xi post misterjuż jew tal-waħx.
L-għidut ta’ ħsejjes u xeni strambi jista’ jkun inħolqu maż-żmien apposta biex ħadd ma jazzarda jersaq jew jidħol f’din il-villa bla permess. J’Alla ma tintilifx darba għal dejjem u forsi għad xi darba narawha rrestawrata lura fil-glorja tagħha!
Ritratt: Villa Sans Souci/ DOI