Qatt smajt biha?
Din il-logħba tissejjaħ taċ-ċampella għax ikollhom f’idhom ġebla tonda u ċatta, bħal ċagħqa li jgħidulha hekk. Dawk li jilagħbu aktarx kienu jimmarkaw iċ-ċampella tagħhom b’xi sinjal biex jagħrfuha. Biex jilagħbu l-ewwel kienu jqiegħdu ġebla żgħira jew xi sitt ħabbiet fl-art; hawn din il-ġebla jew sitt ħabbiet, tissejjaħ il-‘master’.
Jaqtgħu t-tokk u jibdew min imissu, jimmiraw għaliha biċ-ċampella. Meta jilgħab kulħadd, kienu jaraw liema ċampella ġiet l-aktar qrib il-master jew min saħansitra jolqtu, u ta’ min tkun, jirbaħ.
Ir-rebħ kien dejjem skont kif jifthemu minn qabel. Fi żmien il-ġellewż kienu jpoġġu xi ġellewża kull wieħed biex jieħu kollox min jirbaħ, u meta kienet drawwa jsibu l-istampi fil-pakkett tas-sigaretti jew fiċ-ċikkulati, kienu jilagħbu għal dawn ukoll. Ġieli kienu jilagħbu għal xi ħelu jew għal xi pinna.
Xi żmien sabiħ! Meta s-sempliċità kienet il-lussu ġenwin!
Kliem li ma tantx għadna nisimgħu u li jinsab f’dan l-artiklu:
ċampella: Logħba
sitt ħabbiet: flus Maltin ta’ dari
Jaqtħgu t-tokk: jaqtgħu x-xorti bejniethom bħal meta fi żmien aktar modern, din saret il-famuża logħba: karta, ġebla u mqass.
Ritratt: Sagħtar Mejju 2001