X’ġara fit-28 ta’ April 1958?
Għal April tal-1958, bosta ħaddiema mas-servizzi Ingliżi kienu nkwetati fuq is-sensji. Irridu nitakru li Malta ma baqgħetx daqshekk attraenti għall-Ingliżi għaliex issa spiċċat il-gwerra (allura bdew inaqqsu fl-infiq tagħhom minn pajjiżna) u mill-banda l-oħra ma ridux jitilfuna għaliex il-futur ħadd ma kien jaf x’fih u l-pożizzjoni tagħna, f’nofs ta’ Mediterran dejjem kienet importanti u strateġika.
Tajjeb niftakru wkoll li fi żmien ta’ gwerer (mhux li jolqtu lil Malta), pajjiżna gawda għaliex kien jiżdied ix-xogħol u l-kummerċ. Meta l-affarijiet kienu jikkwitaw, il-Maltin kienu bdew iħarsu lejn l-emigrazzjoni.
Fix-xahar t’April 1958, il-ħaddiema bdew jagħmlu d-dimostrazzjonijiet paċifiċi fi Strada Rjali fil-Belt Valletta. Il-pulizija ovvjament kien xogħlhom li jduru fost dawn in-nies biex dawn id-dimostrazzjonijiet jinżammu taħt kontroll. Iżda fit-28 ta’ April tal-1958, il-General Workers Union ordnat strajk ġenerali bħala protesta kontra s-sensji li bdew jingħataw.
Dakinhar Malta kollha waqfet. Trasport ma kienx hawn jiffunzjona, ħanut miftuħ ma kontx tara, persuni jiġru l’hemm u l’hawn, għajjat u nisa mbeżżgħin ġo darhom inkwetati għall-irġiel tagħhom.
L-għada tal-istrajk bdew jiġu arrestati bosta persuni u mixlija bi ksur tal-ordni pubblika, tixwix u akkużi bħal dawn (saħansitra vjolenza u theddid). B’kollox ġew arrestati 101 persuna. Fosthom kien hemm Agatha Barbara ta’ 33 sena u Bertu Hyzler ta’ 41 sena li meta deher quddiem il-Maġistrat Gouder kien liebes kowt xitwi għax kien marid.
Filmat: ONE NEWS
Mhux se nidħlu fid-dettall tal-istorja għaliex nafu li hija ġrajja li qrajtu ħafna dwarha. L-iskop huwa li nwasslu dawn il-ġrajjiet mill-istorja forsi f’kontenut iqsar ħalli jinqara biex b’hekk, iva, l-istorja ta’ pajjiżna ma tintesa qatt; kemm storja antika, kif ukoll riċenti, kemm ta’ partit kif ukoll t’ieħor… għaliex ilkoll flimkien sawwarna identità ta’ Malta li hi llum.
Ritratt: Irvellijiet f’Raħal Ġdid/ Gazzetta Kullħadd