Imnedija sistema ta’ konsultazzjoni medika b’xejn: Doctor.mt
Minħabba l-pandemija tal-Covid-19, grupp ta’ tobba fuq inizjattiva tat-tabib Christopher Deguara flimkien mal-fundatur u Kap Eżekuttiv ta’ Cyberspace, Tony Cassar, nidew www.doctor.mt
Dan huwa portal li jipprovdi lill-pubbliku pjattorma elettronika temporanja b’xejn li permezz tiegħu kulħadd jista’ jikseb aċċess għal informazzjoni medika korretta u aġġornata u jirċievi parir dirett u b’xejn fuq il-mobile tagħhom.
“Permezz ta’ Doctor.mt irridu niżguraw li dak li jkun jibqa’ ġewwa kemm jista’ jkun, u li nnaqqsu l-piż fuq is-servizzi tas-saħħa tagħna, li għandhom sfida kbira quddiemhom biex ilaħħqu mat-talba ta’ bħalissa. Din l-inizjattiva tnaqqas ir-riskju li wieħed jittieħed, u peress li hi mingħajr ħlas, tnaqqas il-piż finanzjarju fuq il-familji tagħna f’dan iż-żmien ta’ kriżi”, saħaq Dr. Chris Deguara.
Talbiet fuq www.doctor.mt jistgħu jsiru fi kwalunkwe ħin u t-tim ta’ speċjalisti, li qed jaħdem mid-dar, se jkun qed iwieġeb bejn it-8.30 am u t-8.30pm. Il-pazjenti għandhom jiftħu kont li permezz tiegħu jkunu jistgħu jitolbu informazzjoni jew jikkonsultaw tabib.
Maniġer tas-sistema, li se tkun qed titmexxa minn Voluntiera Malta, ser jalloka t-talbiet lit-tobba disponibbli biex tkun żgurata tweġiba kemm jista’ jkun malajr. L-ispeċjalista mbagħad jagħmel kuntatt mal-pazjent permezz ta’ telefonata jew Whatsapp u jipprovdi riċetta permezz ta’ sistema elettronika.
Dr Deguara spjega li: “Dan il-proġett hu finanzjat kompletament minn sponsors u aħna ninsabu lkoll grati li dawn emmnu f’din l-inizjattiva biex inkunu nistgħu noffru servizz mediku privat b’xejn lil Malta kollha”.
Dan il-proġett tnieda taħt il-Patroċinju distint tal-Eċċellenza Tiegħu, il-President ta’ Malta George Vella, li huwa wkoll, fil-professjoni tiegħu, speċjalista tal-mediċina tal-familja .
Dan il-proġett seta’ jkun possibbli bil-għajnuna ta: Cyberspace, WH Partners, James Caterers, Simblija Care Home, Farsons, Multigas, Attard Brothers, Right Projects Company Ltd, Nectar, Peking Chinese Cuisine, CE installations, Attrans Ltd, CellPhone, Voluntiera Malta u individwi privati oħra.
(artiklu ta’ kollaborazzjoni)