Tneħħa fl-1963
Il-Malta Railway kienet l-unika linja ferrovjarja li kien hawn fil-gżejjer Maltin; li tgħaqqad il-Belt Valletta mal-Mdina. Kienet tissejjaħ il-vapur tal-art.
L-ewwel proposta biex tinbena l-linja saret fl-1870 minn J.S.Tucker. B’hekk l-ivvjaġġar bejn in-naħa u l-oħra kellu jkun ta’ inqas minn nofs siegħa. Fil-gazzetta The Malta Standard tal-1880 kien irrapurtat li pajjiżna ser ikollu linja ferrovjarja biex jiftaħar u ntqal li kellha tinfetaħ fl-1881 iżda kien hemm xi problemi dwar akkwist tal-art u x-xogħol tawwal xi ftit.
Imbagħad il-proġett infetaħ fit-28 ta’ Frar ral-1883 fit-15.00 u l-ewwel vjaġġ bejn il-Belt Valletta u l-Imdina ħa madwar 25 minuta.
Madanakollu, proġett bħal dan kellu bżonn finanzi kbar u ma kienx sostenibbli. B’hekk falla u l-Gvern iddeċieda li jieħu kollox f’idejh, investa fl-infrastruttura u reġa’ fetaħ il-linja fil-25 ta’ Jannar tal-1892. Bejn l-1895 u l-1900 saret estensjoni oħra.
Minħabba l-progress, tista’ tgħid li l-ferrovija f’Malta ħadet daqqa u ma kinitx possibbli li tibqa’ għaddejja. Kien fl-1903 meta twaqqfu t-trams. Fl-1905 bdew l-ewwel karozzi tal-linja li finalment kellhom effet negattiv kemm fuq il-vapur tal-art u anke fuq it-trams stess.
Ritratt: Meta tneħħa l-istazzjon minħabba l-proġett tas-City Gate
Fir-ritratt prinċipali (Facebook/ Nostalgia Malta) jidher l-istazzjon tal-Belt li fl-1963 tneħħa biex isir il-proġett tas-City Gate u l-pjazza. Fl-istess post, illum insibu l-parlament bi stil partikolari mibni mill-Perit Renzo Piano bejn l-2011 u l-2015.
Ritratt: Il-Parlament attwali fuq disinn tal-Perit Renzo Piano