Żgur li tiftakruha tidwi din is-sentenza ġo widnejkom; li ġej it-tberik u rridu nnadfu waħda sew! Drawwiet li llum kważi qas għadhom iseħħu ħlief forsi xi nies ftit aktar anzjani jew tradizzjonali li jagħmlu hekk.
Kienet tkun drawwa li malli joqrob it-tberik, in-nisa tad-dar kienu jaqilgħu waħda sew djarhom billi jnaddfu iżjed milli jnaddfu ta’ kuljum, jibdlu l-purtieri u jarmaw ftit id-dar b’mod differenti. Din id-drawwa setgħet bdiet ukoll minħabba li meta joqrob it-tberik wara l-festa tal-Għid, tista’ tgħid li jkun wasal is-sajf. Għalhekk jitneħħew l-affarijiet tax-xitwa u jinbidlu b’dawk Sajfin.
Jista’ jkun ukoll li dan kien isir, minħabba li familji kien ikollhom villeġġjatura allura sa xahar wara, jiġifieri lejn l-aħħar ta’ Ġunju, malli uliedhom jispiċċaw l-iskola kienu jparpru lejn il-postijiet ta’ villeġġjatura tagħhom. B’hekk dik kienet tgħodd bħala tindifa qabel iħallu d-dar ftit kwieta waħedha għat-3 xhur tas-Sajf. Ovvjament mhux kulħadd kien ikollu villeġġjatura, imma la waħda tisma’ lill-oħra, dlonk indrat id-drawwa u kważi kulħadd beda jagħmel hekk.
Lura aktar fiż-żmien, din id-drawwa (tat-tberik tad-djar) kienet diġà ssir fi żmien il-Kavallieri. Meta l-Kappillan kien imur ibierek, flok għotja ta’ flus li wkoll kienet tingħata lill-qassis li ġie jbierek u xi ħaġa żgħira lill-abbati, qabel kienu jagħtu oġġetti li jistgħu jinbiegħu biex minnhom seta’ jaqla’ xi ħaġa tal-flus il-kleru. Fost affarijiet oħra kien ikun hemm prodotti tal-ikel: bajd, tiġieġ, fniek u frott. Dawn ma kienx jista’ jġorrhom hu nnifsu, għalhekk kien ikun hemm raġel b’karettun bl-ixkejjer biex jgħabbi dawn l-għotjiet.
Illum it-tberik ħa forma oħra. Waħda mir-raġunijiet hija li hawn nuqqas ta’ saċerdoti. B’hekk sar ikun hemm pjan ta’ akkwati fejn il-qassisin javżaw minn qabel li se jsir it-tberik. Iż-żminijiet inbidlu. Mhux kulħadd ibierek anke saħansitra min hu kattoliku; hemm min xorta jiddejjaq b’din id-drawwa. Kulħadd huwa liberu li jagħmel li jixtieq. Il-qassisin impenjaw ruħhom iżjed ukoll u saru jgħinu fil-problemi ta’ kuljum iżjed minn qabel għaliex illum il-bniedem jitkellem iżjed u hawn aktar għarfien. B’hekk tista’ tgħid, li hawn min isib faraġ li jitkellem ma’ saċerdot.
Ritratt: Il-Miklem.com – Dan jissejjaħ l-Aspersorju jew l-Asperġes li jitnuża fit-tberik bl-ilma ġdid li jkun inbidel f’Sibt il-Għid. Asperges hija kelma Latina li tfisser ‘roxx l-ilma’ – b’hekk l-ilma ta’ Kristu Rxoxt)
(Dari, anke mhux daqshekk żmien ilu, it-tberik kien ikun l-għors tat-triq. Kulħadd jistenna fuq il-parapett. Mara lill-oħra tgħajjat: “Fejn wasal il-qassis? Ġie għand Karmni?” U dlonk kien jgħidu ‘mela issa aħna jmiss’. Parlati fuq l-għatba tad-dar u saħansitra, it-tfal kienu jduqu l-ewwel ġelat tas-sajf f’dak iż-żmien. Qabel mhux bħal-lum; kollox f’ħinu u f’waqtu; il-ġelat għas-sajf, ir-restorant għal tmiem il-ġimgħa, ix-xirja u l-ħasla għat-Tnejn… Kollox bil-ħin tiegħu. Mingħajr ma mmaqdru ż-żmien tal-lum, din tista’ tkun riflessjoni li b’hekk intilef xi ftit mill-gost tal-mument; għax ma baqa’ xejn partikolari għal żmien wieħed; sirna nieħdu kollox meta rridu, x’ħin irridu u kif irridu. Qabel, ridt tistenna!)