Nhar it-Tlieta 5 ta’ Mejju 2020 sar il-funeral tat-80 Granmastru tal-Ordni Fra’ Giacomo Dalla Torre del Tempio di Sanguinetto li miet fid-29 t’April kawża ta’ marda inkurabbli.
Fejn is-soltu dawn ikollhom ċertu pompa; speċjalment fil-passat fejn l-Ordni kienet tuża l-okkażjoni biex turi s-saħħa tagħha, din id-darba l-funeral kien limitat ħafna minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19. Preżenti kien hemm xi qraba tal-Granmastru, il-Gvern tal-Ordni, kollaboraturi viċin, missjoni diplomatika u fl-aħħarnett, it-tobba li kienu qed jieħdu ħsiebu. Kien hemm ukoll xi voluntiera tal-Ordni ta’ Malta li marru biex issellmu lill-Kap tagħhom.
Ġibed l-għajn it-tebut sempliċi tal-injam. Forsi wieħed jippretendi tebut elaborat minħabba l-kobor ta’ din l-Ordni, anke minħabba l-fatt li għadhom iħobbu l-istil Barokk sal-lum. Iżda wieħed irid ifakkar li l-Kavallieri jieħdu l-voti fosthom tal-faqar (apparti dawk tal-ubbidjenza u tal-kastità); għalkemm jidhru sinjuri fl-ilbies, fil-bini u f’dak li jagħmlu, wara mewthom jispiċċaw li m’għandhom xejn għax kollox huwa tal-ġid komuni. Jiġifieri kollox huwa tal-Ordni; misluf biss tul il-ħajja fuq din l-art.
Mexxa l-funeral il-Kardinal Giovanni Angelo Becciu, li huwa d-delegat tal-Papa għall-Ordni li wassal il-messaġġ ta’ Papa Franġisku fejn sejjaħlu ‘raġel mimli ġentilezza, kultura u fidi.’
Sewgi l-funeral f’dan il-link:
Ritratt: Sit/ orderofmalta.int