F’dik li tissejjaħ Storja Orali jiġifieri storja rrakontata min-nies li għexuha huma stess, Joseph Caruana lill-persuna li ntervistatu qallha hekk :
“Niftakar li ż-żejt kien bir-razzjon u n-nies ma kellhomx biex isajru mingħajru. Barra minn hekk kien hemm ftit ikel x’jinbiegħ. Allura l-Victory Kitchens bdew u n-nies kienu jingħataw kupun; wieħed għal kull membru tal-familja u bih kienu jingħataw ftit ikel kuljum. niftakar meta ta’ tfal li konna, konna ninġabru f’serbut nistennew bil-borom f’idejna li ġieli ħallejniehom fl-art iżommu l-kju biex aħna nilagħbu.”
“Meta l-ikel kien jiġi servut, kien ikun hemm jew ommi jew iz-zija li żżommilna l-borma biex jaċċertaw rwieħhom li sehemna konna niħduh. Kien hawn il-ġuħ u l-għaks. Għandu jkun kienu jutna soppa tal-ħaxix jew xi ħaġa simili. Ma kienx jinteressani t-tisjir diment li kien ikolli x’niekol. kont inħobb il-ħobż l-iżjed imma!
Li niftakar ukoll li f’festi speċjali bħall-Milied u l-Għid kienu jtuna ċikkulata flimkien mal-ikel. Rari kien ikollna din iċ-ċejċa (kelma li kienet tinuża iżjed dari milli llum u tirreferi għal xi ħaġa tajba eżempju ħelu. Niftakar lil ommi tgħid li f’okkażjoni oħra, darba tawna xemgħa. Ma kien ikollna xejn speċj fil-ħdud u l-festi ta.
Kien hemm ukoll differenza bejn ir-razzjon tan-nisa u l-irġiel. L-irġiel kienu jtuhom aktar. L-anzjani u t-tfal kienu jingħataw anqas. Il-ħobż kien skars. Niftakarni nsaqsu lil ommna biex il-porzjon tal-ħobż ta’ filgħaxija ttieħulna f’nofsinhar. Min jaf kemm-il darba ommi u n-nanna kif ukoll iz-zija taw porzjon mill-platt tagħhom lil missieri u z-ziju.
Aktarx l-ikel kien jissajjar xi mkien ieħor, imbagħad ġabu l-‘Victor Kitchen’ bil-kuċċarun ipoġġu l-ikel fil-platti u l-borom. Kien jiġri li bniedem waħdu kien ikollu porzjon, filwaqt li familja ta’ 4 eżempju, kienu jutha 4 kuċċaruni biss. Anqas qatra żejda.
Il-Victory Kitchen kienu nodfa għax anke kien hemm ‘inpsectors’ li jduru kullimkien. Kienu jibżgħu li n-nies jimirdu minn xi mard, allura l-indafa kienu jagħtu kasha. Kienu jinkwetaw ukoll fuq ‘food poison’. Ma ridux problemi żejda.
Ritratt: Tabella tal-Victory Kitchen li ġiet rrestawrata fil-Belt Valletta
Sa Ġunju tal-1942 f’Malta kien hawn madwar 42 Victory Kitchen. Min jinqabad jisraq xi ikel, speċjalment ħobż (anke ftit slices minnu), seta’ jintbagħat sa 4 ħabs.
Din l-intervista dehret bl-Ingliż f’pubblikazzjoni mill-Università ta’ Malta bl-isem ta: Surviving War: health, shelter and the Victory Kitchens.
Madanakollu llum ngħajtu wkoll viva l-paċi f’għeluq il-75 anniversarju minn tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija! Il-Ġermanja Nazzista ċediet u nħolqu l-Ġnus Magħquda. Il-Gwerra ma fihiex ħobż!