Il-proġett ‘Youth of Gozo’ ta’ Aġenzija Żgħażagħ inħoloq bil-għan li ż-żgħażagħ Għawdxin ikollhom pjattaforma fejn jaqsmu t-talenti u ħiliet tagħhom, kemm dawk li jipprattikaw fil-ħin liberu tagħhom u wkoll dawk li huma stabbiliti.
Professjonisti Għawdxin ukoll qasmu l-esperjenzi tagħhom speċjalment fid-dawl taż-żmien li għaddejjin minnu. L-iskop ewlieni kien ukoll li jitwassal messaġġ biex kemm jista’ jkun kulħadd jibqa’ id-dar u l-ħin liberu, li forsi s-soltu kien jintuża għal ħruġ jew ħin ieħor barra mid-dar, jimtela’ billi jiġu prattikati ħiliet u talenti diversi.
Il-kelma talent ġiet meħuda fl-aspett wiesgħa tagħha ħalli b’hekk iż-żgħażagħ kollha jħossu li kulħadd jista’ jsib niċċa fejn jista’ jkompli jkabbar ħiliet u talenti. U għal din l-istess raġuni żewwiġna flimkien etajiet differenti kif ukoll gradi ta’ ħiliet għax b’hekk biss seta’ jiġi rifless il-mużajk ta’ talenti emerġenti u stabbiliti li hemm f’żgħażagħ Għawdxin.
L-istejjer ta’ dan il proġett se jinġabru f’publikazzjoni biex jinżammu bħala rikordju ta’ kif qattgħu l-ħin tagħhom żgħażagħ Għawdxin tul il-pandemija. Dawk iż-żgħażagħ Għawdxin li huma interessati li jieħdu sehem jistgħu jikkuntattjaw lil Jennifer Cauchi fuq 99787287 jew permezz ta’ e-mail fuq [email protected] sa nhar il-Ħadd 10 ta’ Mejju.
(Nota: Artiklu B’Kollaborazzjoni)