Pittura allegorika attribwita lil Francesco Zahra, li tiddekora s-saqaf tal-Kappella ta’ San Kalċedonju, fil-Kurja tal-Arċisqof (Casa Manresa) fil-Furjana, kienet qrib li tintilef kompletament minħabba l-ħsarat estensivi li din kellha.
Amy Sciberras u t-tim tagħha ġew fdati b’dan il-proġett diffiċli ta’ konservazzjoni u restawr. Din is-sitwazzjoni kienet titlob trattamenti ta’ emerġenza li kellhom isiru fuq il-post, qabel il-pittura tinġarr. L-ewwel kien meħtieġ li jiġu pożizzjonat d-diversi frammenti tal-pittura, fil-postijiet rispettivi tagħhom fejn ġew konsolidati u miżmumin f’posthom b’mod temporanju sakemm il-pittura ittieħdet ġewwa l-laboratorju tar-restawratrici.
Amy Sciberras u t-tim tagħha kellhom jagħmlu diversi trattamenti sabiex jistabillizzaw u jsalvaw din il-pittura frammentata li kienet viċin li tintilef għal kollox. Minħabba infestazzjoni tal-passat, t-tila oriġinali kienet fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni fejn kienet saret prattikament trab. Għalhekk sar proċess li jissejjaħ ‘double lining’, fejn ġew preparati żewġ tili ġodda li dawn twahhlu fuq wara tal-pittura sabiex jirinfurzawha.
Biċċiet tal-pittura li kienu intilfu għal-kollox reġgħu inbnew dejjem skond kif tirrikjedi l-etika’ tal-konservazzjoni u r-restawr. Is-saff tal-kulur oriġinali li kien mgħotti b’irtokki antiki u b’verniċ li kien sfar matul z-żmien, ġie imnaddaf sabiex b’hekk inkixfu l-kuluri ċari ta’ din il-pittura unika attribwita lill-aqwa artist Malti ta’ nofs is-seklu tmintax, Francesco Zahra.
Għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin issa huwa possibbli li wieħed josserva, jistudja u japprezza din il-pittura allegorika fis-sbuħija sħiħa tagħha. Prosit tassew lilek Amy u lit-tim formidabbli tiegħek!
Ritratti: Ir-ritratti juru fażijiet differenti; anke fl-istat oriġinali qabel ir-restawr. Amy Sciberras fl-aħħar ritratt qed tagħmel l-aħar irtokki finali.
Amy Sicberras xtaqet tirringrazzja b’mod speċjali lill-Eċċellenza Tiegħu L-Arċisqof Charles J. Scicluna, is-Sur Michael Pace Ross; Segretarju Amministrattiv u Rev. Dr Nicholas Joseph Doublet; Lettur – Dipartiment tal-Istorja tal-Knisja, Fakultà tat-Teoloġija – Università ta’ Malta, li fdaw dan il-proġett prestiġjuż lilha u lit-tim tagħha. Tirringrazzja wkoll lis-Sur Manuel Ciantar u lis-Sinjura Suzanne Ciantar Ferrito għall-fotografija professjonali kif ukoll lis-Sur Michael Formosa għall-manifattura ta’ tilar ġdid. Dan il-proġett sar possibbli bl-appoġġ ta’ APS Bank plc. Minn wirtmalta.mt napprezzaw meta entitajiet u anke banek jagħtu s-sapport meħtieġ għal proġetti ta’ dan il-kalibru. Prosit tassew lilkom!
(Nota: Artiklu b’Kollaborazzjoni)