Din kienet frażi popolari mmens. Tista’ tgħid li llum ġieli tintuża meta xi ħadd jgħin lil xi ħadd ieħor u tant ikun apprezza, li jgħid dik il-frażi. Iżda qabel kienet tintuża spiss mit-tallaba. Meta ma kienx hawn għajnuniet soċjali u lanqas pensjonijiet għal kulħadd, bosta ħaddiema kien ikollhom jgħixu bit-tqanċiċ jew b’xi biċċa xogħol kultant imħallsa bix-xejn.
Xogħol bħal dan ġieli lanqas kien jitħallas bil-flus imma bil-ħobż jew xi ikel ieħor. Sfortunatament, meta dawk li ma kinux jibqgħu jaħdmu ħabba l-mard jew xjuħija, jekk ma kienx ikollhom għajnuna mill-familja kien ikollhom joħorġu jittalbu fit-toroq. Sa nofs is-seklu 20, konna għadna naraw bosta rġiel u nisa fil-kantunieri jew ħdejn il-knejjes jitolbu xi ħaġa. Kien ikun hemm oħrajn iħabbtu anke l-bibien. Meta kont tagħtiehom xi ħaġa tal-flus jew tal-ikel, kienu jgħidulek: “Għal ruħ min għandek mejjet!” jew inkella “Għall-bżonnijiet tiegħek!”
Dejjem kien hemm ukoll il-makakki u kienu jilagħbuha tal-fqar u jittallbu. Imma ġeneralment, dawn it-tallaba kienu verament fil-bżonn. Kien hemm ukoll għomja fost it-tallaba li kienu numerużi fl-imgħoddi minħabba t-trabijiet li kien hawn u nuqqas ta’ kura tas-saħħa. Uħud minnhom kienu joqogħdu fil-kantuniera b’idhom lesta biex jilqgħu xi ħaġa tal-flus u oħrajn kienu jduru fit-toroq immexxijin minn xi ħadd tal-familja, l-aktar xi tifel jew tifla.Uħud minnhom kienu jġorru xi vjolin magħhom u joqogħdu jħanxru xi melodija popolari ta’ dak iż-żmien.
Ritratt: Pittura tat-tallab minn Hermann Kern (Awstrijak- 1839-1912)