Il-Kanġu ta’ Filfa huwa għasfur żgħir tal-baħar li minkejja li ma tistax tgħid li hu rari, ftit huma dawk li qatt rawh. Dan minħabba li dan l-għasfur ibejjet fuq Filfla u jersaq lejn l-art biss fi żmien il-bejta.
Biex jagħmilhielna aktar diffiċli narawh, il-ġurnata kollha jgħaddieha fuq il-baħar ‘il bogħod mill-art u jersaq biss lejn l-art matul illejl. Interessanti wkoll li l-Kanġu jbejjet ukoll ġo għar mal-baħar fl-irdumijiet ta’ Ta’ Ċenċ f’Għawdex.
B’kollox jeżistu 3 speċi ta’ għasafar li jersqu lejn l-art matul illejl; il-Kanġu nnifsu, iċ-Ċiefa u l-Garnija. Dawn l-għasafar kollha għandhom riħa stramba ta’ ħut. Xjentisti jgħidu li din ir-riħa tgħinhom isibu lbejtiet u lil xulxin fid-dlam. Għandhom sens qawwi ta’ xamm u fil-fatt, imneħirhom qisu tubu. Din ir-riħa li semmejna tiġi minn żejt li jifforma fl-istonku tal-Kanġu.
Il-Kanġu mhux ikbar ħafna mill-għasfur tal-bejt. Jingħad li huwa l-iżgħar għasfur tal-baħar fl-Ewropa. Il-fatt li l-Kanġi kollha ta’ pajjiżna jinstabu f’post wieħed, hija ta’ periklu għall-eżistenza tagħhom. F’każ ta’ xi inċident fil-baħar fejn joħroġ xi żejt viċin Filfla, dan jista’ jirriżulta fil-qerda ta’ dan l-għasfur.
Fuq Radju Marija, kienet saret intervista ma’ Nicholas Barbara dwar il-ħajja, it-tnissil u l-konservazzjoni tal-kanġu ta’ Filfla. Dan kien itella’ bil-għajnuna ta’ BirdLife Malta.
Għalkemm dan mhux wirt storiku bħal meta nsemmu mużew jew sit storiku partikolari, il-Kanġu huwa parti mill-identità ta’ pajjiżna li rari smajna dwaru. L-għan tagħna kif ngħidu dejjem huwa li wirtmalta.mt tkun tieqa fuq dak kollu li hu Malti u li għandu x’jaqsam ma’ gżiritina!
Ritratt: Il-Programm ‘Naturali’/ Radju Marija