Fit-18 ta’ Mejju tal-1565, it-Torok deheru fix-xefaq resqin lejn il-gżejjer tagħna. Il-ġurnata kienet il-Ġimgħa. Dan kien mistenni; ma kinitx sorpriża. Il-mistoqsija aktar kienet ‘meta kienu ġejjin’ milli ‘jekk hux ġejjin.’
Qabel kien hemm assedju ieħor; dak tal-1551. Kif intemm, kien donnu fl-affermattiv li l-Ottomani kienu ser jerġgħu jaħbtu għal pajjiżna.
L-assedju tal-1565 baqa’ magħruf bħala l-Assedju l-Kbir. Biddel wiċċ l-Ewropa minħabba li bl-Ordni f’Malta, pajjiżna malli ntemm dan l-assedju kien imlaqqam bħala l-protettur tal-Ewropa kollha kif ukoll tar-reliġjon Kattolika. Il-filosfu Franċiż Voltaire kien qal hekk: “Xejn mhu magħruf aktar mill-assedju ta’ Malta”
L-Ottomani niżlu l-art b’40,000 suldat u tellgħu l-kampijiet tagħhom fil-wita tal-Marsa. Xi ftit snin ilu, meta beda l-proġett tal-flyovers fil-Marsa, jingħad li reġgħu nstabu anke xi għadam fl-akkwata imma dawn baqgħu biss għidut.
Dwar l-Assedju hemm ukoll kontroversji tant li fit-Turkija, studjużi Torok jgħidu li missierijiethom ma tilfux din il-battalja iżda ċedew bl-unuri tal-gwerra. Imma dan jiġri dejjem fl-istorja. Teżisti dik li tissejjaħ ‘bias‘. Biex nispjegaw u tifhmu sew: jekk ktieb illum fuq partit jew ieħor jinkiteb mill-istess membri tal-partiti rispettivament, dejjem ser ikun hemm ftit glorja għal dak li hu tagħhom. Tkunx veru jew le, kulħadd għandu moħħ biex jgħarbel u jifhem. Iżda meta jgħaddu s-snin, ikollok tibqa’ fuq dak li hu miktub.
Li aħna ċerti u li nafu, huwa li kienet battalja li baqgħet tissemma saħansitra sal-lum, tant li turist malli jasal f’pajjiżna, l-ewwel li jitkellem miegħek dwaru, huwa l-Assedju l-Kbir. Hemm ukoll bosta kitbiet serji fosthom minn Giacomo Bosio li kien studjuż kbir tal-Ordni u dan kellu stima għolja f’dak iż-żmien u anke minn riċerkaturi llum. Ċerti wkoll li t-tmiem tal-Assedju kellu effetti pożittivi fuq Malta tant li anke nbniet il-ġawhra ta’ belt li għandna llum; il-Belt Valletta.
Ritratt: Wieħed mill-affreski tas-Seklu 16 magħmulha mill-pittur Matteo de Perez d’Aleccio fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta
Ritratt Prinċipali: Marsaxlokk/ mga.org.mg (L-Ottomani ma niżlux mill-ewwel f’Marsaxlokk imma għamlu madwar jumejn lejn il-Ġnejna u l-Imġarr)