Nistgħu nsejħulu ġest nobbli u verament Kristjan dak li għamlu s-saċerdoti Għawdxin fejn ħarġu flus minn jheddhom biex jinxtara ‘ventilator’ għall-isptar ġenerali t’Għawdex. Forsi nisimgħu ħafna kritika kemm il-Knisja tiġbor flus; li wara kollox għall-ġid tal-komunità iżda xorta ssib min ikun irid jgħaddi kumment dispreġġjativ. Iżda fil-mument tal-prova, rajna kemm verament dawn is-saċerdoti wettqu att mill-isbaħ.
It-tnejn li għadda, l-Isoqf Mario Grech (Amministratur Appostoliku t’Għawdex) iltaqa’ mal-awtoritajiet tas-saħħa u l-Ministru tas-saħħa Dr. Chris Fearne fejn tal-aħħar, irringrazzjah għall-għotja ġeneruża tal-Knisja f’Għawdex biex dan l-apparat ikun jista’ jinxtara.
B’kollox ingħata is-somma ta’ €50,000. L-Isqof Grech esprima hekk: “Jien ħassejtni onorat inwassal din id-donazzjoni u minn qalbi ngħid grazzi lil kull min għamel l-offerta tiegħu/tagħha. Irrid ngħid grazzi lis-saċerdoti tad-Djoċesi li laqgħu s-sejħa tiegħi u taw €100 kull wieħed – xi wħud poġġew aktar ukoll. Grazzi wkoll lill-parroċċi, lill-kunventi u lill-għaqdiet reliġjużi li ħarġu €100 mill-kaxxa tagħhom għal dan il-għan. Naturalment infisser il-gratitudni tiegħi lejn dawk kollha li wieġbu għal dan l-appell”.
Prosit tassew lil dawk kollha li għenu għal din il-kawża ġusta!
Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta