Sejba interessanti saret illum f’Ħal Tarxien; dik ta’ qabar Puniku. Dan kien skavat mit-tim tal-Wirt Kulturali u t-tim Geomatich taħt is-supervizjoni tas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali. Is-sejba nstabet f’kundizzjoni tajba; totalment mhux mittiefsa.
Instabu urni intatti u anke oġġetti relatati mad-dfin, liema urni kellhom ukoll irmied fihom mir-ritwali tal-kremazzjoni. Magħhom kien hemm ukoll anfora (ġarra tal-fuħħar li tkun ġejja għall-ponta fin-naħa t’isfel) u anke kontenituri oħra żgħar li aktarx kienu jintużaw fid-dfin.
Huwa mifhum li aktarx din is-sejba tmur lura madwar 2,000 sena ilu għall-perjodu Puniku f’Malta. Bla dubju din hija ferħa għall-arkeoloġisti li tkompli turi kemm pajjiżna huwa rikk f’dan l-aspett!
Prosit lil dawk kollha nvoluti fil-ħidma li saret biex din is-sejba setgħet tkun possibbli!
Ritratt: Is-sejba li saret f’Ħal Tarxien/ Malta Independent