Insejħulhom coat of arms; l-istemmi araldiċi. Interessanti li dawn ma jsirux kif ġab u laħaq imma hemm studju, riċerka u ħsieb warajhom. Tkellimna ma’ Andrea Sacco Baldacchino li huwa riċerkatur u anke jagħmel l-illustrazzjonijiet ta’ dawn l-istemmi hu stess b’tant preċiżjoni u passjoni.
1. Xi tfisser l-Araldika?
L-araldika hija sistema ta’ identifikazzjoni kemm personali u kemm familjari. Meta ngħidu araldika, bl-ingliż inkunu qegħdin ngħidu Heraldry u l-istudju araldiku fih insibu L-istemmi araldiċi li bl-ingliż insejħulhom Coat of Arms.
2. X’inhi s sitwazzjoni llum f’pajjiżna dwarhom?
F’Malta għal tul ta’ snin qatt ma kien hawn regolazzjoni tal-istemmi araldiċi, Wieħed/a setgħu jagħmlu li jridu ovvjament meta wieħed jagħmel hekk ikun faċli għalih li ma jimxix mar-reogli araldiċi. Jien ngħid li l-arti hi ħielsa u tista’ tesprimi ruhek kif trid iżda fl-araldika ma tistax. L-araldika hija arti bir-regoli, u regoli li trid toqgħod ħafna attent li ma tiksirhomx. F’Malta għas-seklu 19 dehret il-kollezzjoni tal-istemmi Maltesi li fiha nsibu ħafna stemmi araldiċi tal-kunjomijiet Maltin. Nixtieq niġbed l-attenzjoni li ħafna minn dawn l-istemmi ġew ivvintati mill-awtur jew awturi li għamlu din il-kollezzjoni, iżda ħafna oħrajn kienu ibbażati fuq kollezzjonijjiet antiki li għadhom jinstabu fil-Biblijoteka fil-belt Valletta jew f’kollezzjonijiet privati.
F’Malta issa għadna uffiċċju li jaqa taħt Heritage Malta fejn wiehed jista’ japplika permezz ta’ email fuq [email protected]
3. Jekk jien għamilt arma, dik trid tintuża min-nies b’kunjom bħali jew dik tkun tiegħi biss?
Persuna meta tapplika biex tingħata stemma araldika dik tkun ingħatat lill-individwu kkonċernat u għall-ebda raġuni m’għandha tiġi wżata minn persuni oħra. Hawnhekk nixtieq ngħid li l-iżball li nagħmlu f’pajjiżna hu li kull kunjom juża l-istess arma. Ma ninsewx li l-armi qegħdin hemm biex jagħtu identifikazzjoni lill-individwu jew lill-familja. Biex nagħti eżempju żgħir jekk naqbdu l-kunjom Borġ li hu kunjom li nsibuh b’ammont kbir f’pajjiżna, ħafna mid-drabi l-popolin juża l-istess stemmi araldiċi li nsibu għal Borġ, iżda ovvjament dan huwa ħażin; fil-verità jridu jkunu differenti biex tispeċifika l-linja ta’ Borġ liema hi. Permezz ta’ differenzi fl-armi għal kull familja, tkun taf l-istorja tiegħek!
4. Xi jfissru l-kuluri? Tina xi eżempji.
Fl-araldika insibu ħafna regoli u regola sempliċi hi meta nkunu ser nagħmlu l-kuluri. Fl-araldika insibu kemm metal u kemm kulur eż: metal fuq metal ma jistax isir u anqas kulur fuq kulur. Dejjem iridu jkunu Metal – Kulur, jew Kulur – Metall. Ħaġa partikolari li nsibuha kullimkien hi li ħafna mid-drabi nsibu l-istemmi fuq xi propjetajiet madwar Malta. Ħafna minnhom bla ma nafu jkunu qed jindikawlna l-kulur li jkun fihom. Kull ma naraw huma linji mnaqqxin ġol-istemma. Dawk il-linji jkunu qegħdin jidentifikaw il-kulur xi jkun.
5. Kif tinduna bniedem hux nobbli jew le?
Persuna fl-araldika tinduna jekk hix nobbli jew le minn ħafna affarijiet. Persuna nobbli li ġġorr magħha titlu nobiljarju għandha dritt tagħmel “supporters” mal-istemma (dawk li jżommu l-istemma) kif ukoll kuruna li tiddentifika x’tip ta’ titlu nobiljarju għandu l-individwu. F’Malta titli nobiljarji għandna tlieta dawn ta’ Markiż li nsibuh fil-quccata, fin-nofs insibu l-Konti u fl-aħħar nett insibu t-titlu tal-Baruni. Dawn it-tlett titli jġorru magħhom tlett kuruni differenti li jidentifikaw it-titli tagħhom. Ovvjament hemm iktar affarijiet x’wieħed jista’ jagħmel fl-araldika li huma interessanti ħafna iżda diffiċli biex tispjega kollox fil-qosor.
Minn wirtmalta.mt napprezzaw il-ħiliet ta’ Andrea u nirringrazzjawh talli sab ħin jaqsam dan it-tagħrif interessanti mas-segwaċi tagħna!