Spiss naraw bini storiku li għandu bżonn restawr f’pajjiżna. Spiss ngħidu ‘li kieku jagħmluh hekk jew jibdluh f’hekk’… imma tajjeb li nagħtu kredtu lil bosta proġetti ta’ restawr li spiss ukoll qed isiru. Eżempju minnhom hija l-mitħna magħrufa bħala tal-Għaqba fin-Naxxar. Din tinsab biswit l-iskola Higher Secondary fit-telgħa tal-Għaqba; telgħa li minnha nfisha hija wkoll mogħnija bi storja. Imma dwar din nitkellmu ‘il quddiem.
Minn wirtmalta.mt għamilna kuntatt mas-Sindku tan-Naxxar Annemarie Muscat Fenech Adami dwar ir-restawr estensiv li għaddej fuq din il-mitħna mill-isbaħ. Qaltilna li kienet waħda mit-3 imtieħen mibnija mill-Fondazzjoni li kienet waqqfet apposta mill-Granmastru Ramón Perellós y Rocafull (c. 1710)
Is-Sindku tan-Naxxar Annemaire Muscat Fenech Adami
“Dan il-proġett qed isir b’investiment ta’ Eur 700,000 b’ko-finanzjament ta’ Fondi Ewropej li bħala Kunsill ksibna taħt il-Fond tal-ERDF, maqsum fuq numru ta’ xogħlijiet fosthom restawr tal-bini nnifsu, xogħol strutturali, sistemi Awdjo Vizivi u installazzjoni ta żewġ Lifts sabiex tiġi żgurata l-aċċessibbiltà xierqa għal kulħadd”, saħqet magħna s-Sindku tan-Naxxar.
Jidher ukoll li bir-restawr li qed isir, i-mitħna ser tiġi funzjonabbli kompletament anke permezz ta’ apparat ġdid tal-mitħna fil-quċċata tal-binja.
“Il-Proġett iħares ukoll l-aspett kulturali fejn parti mill-binja se titrasforma ruħa f’ċentru kuturali. Dan se jkun żvilupp sostenibbli billi se tingħata attenzjoni lill-aspetti soċjali, ekonomiċi u ambjentali, fuq livell nazzjonali u internazzjonali”, qaltilna Annemarie Muscat Fenech Adami filwaqt li tenniet li l-kunsill se jkun qiegħed iħejji l-offerti għall-fażijiet li jkun imiss (Sistemi Awdjo Vizivi u installazzjoni ta żewġ Lifts, Xogħlijiet ta’ Dawl u Ilma, Finituri u Bini mill-ġdid tal-apparat tal-mitħna).
Il-proġett kollu mistenni jkun komplut u inawgurat aktar tard din s-sena biex jilqa’ fih l-ewwel viżitaturi.
“Dan mhux proġett statiku, iżda l-Kunsill iridu jkun proġett ħaj. Infatti se jipprovdi l-opportunità lil numru ta’ entitajiet privati biex jieħdu vantaġġ minnu u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku lokali u Nazzjonali. Bħala ċentru kulturali, se joffri spazju lill-artisti lokali u internazzjonali biex jesebixxu xogħlijiet artistiċi, jaqsmu l-ideat u b’hekk jevolvu fit-talenti tagħhom, iżidu l-kreattività u joħolqu attrazzjoni għall-pubbliku inġenerali fin-Naxxar. Dan se jikkontribwixxi wkoll fit-tkabbir tas-settur tat-turiżmu fin-Naxxar u f’Malta billi noffru attrazzjoni ġdida u interessanti”, temmet tgħid is-Sindku.
Aħna minn wirtmalta.mt nieħdu gost naraw dawn il-proġetti, u dawn l-inizjattivi minn kunsilli lokali kif ukoll napprezzaw anke l-għajnuna minn bosta setturi oħra f’pajjiżna biex permezz tagħhom inkomplu ngawdu l-wirt storiku li għandna f’pajjiżna u narawh jiġi utilizzat bl-aħjar mod possibbli Prosit tassew!
Ritratti: Kunsill Lokali Naxxar