Qatt inzertajtu jew rajtu arti mill-artista brava Jacqueline Agius? Araw xi ġmiel. Taħdem bl-akkwarell.
“L-imħabba għall-arti kienet dejjem fija minn meta kont żgħira. Inħoss li l-pittura m’għandiex sempliċiment tkun sabiħa imma jrid ikollha ċertu poter u dinamika, il-qawwa li tqanqal xi ħaġa profonda”, qaltilna Jacqueline.
Fix-xogħol tagħha tfittex is-sempliċità, l-armonija u l-ġmiel. Tgħid li jisiparaha dak kollu li tara u tħoss bħalma hu l-bini li jiddomina x-xefaq u l-baħar blu li jlellex fix-xemx. Tfittex ukoll il-kuntrasti, id-dawl kif ukoll id-dellijiet. Iżda wkoll il-forom u l-kuluri vibranti.
Jacqueline taħdem l-aktar bi stil figurattiv fejn wieħed jista’ jagħraf sewwa dak li qed jara b’għajnejh. Sewwa jekk huma toroq fl-irħula jew fl-ibliet, pajsaġġi jew bini Malti. Tagħti wkoll iċ-ċans lil min qiegħed iħares lejn il-kwadri tagħha biex jagħraf ix-xena u jsir ukoll parti minnha.
“Kull kwadru jirrakonta storja imma fuq kollox, il-messaġġ li rrid inwassal huwa li noqogħdu f’dinja mill-isbaħ!”, tenniet magħna.
Inħeġġukom li jekk tixtiequ tiksbu aktar informazzjoni jew taraw aktar mix-xogħol tagħha żuru l-paġna li għandha fuq facebook: Jacqueline Agius – Artist
Minn wirtmalta.mt nawgurawlek tassew!
