Smajtu bih dan il-proġett?
Il-proġett Five Five qed jippreżenta sensiela ta’ xenarji alternattivi li jipproponu utopiji u distopiji madwar diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Ix-xenarji huma l-frott ta’ eżerċizzji spekulattivi bejn Solid Eye, studio li jispeċjalizza fuq xogħol ta’ disinn tri-dimensjonali u viżwalizzazzjoni diġitali (Computer Generated Imagery), u Glen Calleja. Ix-xenarji se jiġu ippreżentati f’wirja fuq is-sit solideye.eu mill-5 ta’ Ġunju.
(Utopja huwa post ġenna bħall-Eden. Distopja huwa l-kontra; post apokalittiku. Dan huwa x-xenarju ideali vs ix-xenarju tal-biża‘.)
Il-lokalitajiet u siti li fihom inħadmu x-xenarji huma mħalltin sew, minn postijiet urbani u traffikużi sa siti iktar rurali u remoti. Hemm kuntrasti kbar, per eżempju, bejn ix-xenarji ta’ postijiet fejn hemm densità ta’ popolazzjoni kunsiderevoli bħall-inħawi tal-Mandraġġ il-Belt Valletta u postijiet bħal Filfla fejn l-impatt tal-bniedem u l-preżenza umana huMa kważi negliġibbli. Ix-xenarji ta’ Five Five jinkludu Għar il-Kbir (Dingli), id-Dwejra, Filfla, il-Madonna taż-Żejt, San Dimitri, il-Lazzarett, l-istazzjon tal-ferrovija l-Belt Valletta, il-Buskett, il-kappella tal-Addolorata u l-Mandraġġ.
Five Five huwa esplorazzjoni fil-possibiltajiet ġejjiena marbuta ma’ post ġeografiku speċifiku. Id-disinjaturi, Roderick Galea u Josmar Azzopardi, minn Solid Eye, bnew ambjenti diġitali ġodda fuq siti u binjiet li diġà jeżistu. Xi wħud iħarsu lejn ambjenti u dinjiet safja minn kull tniġġis fejn tirrenja l-armonija bħal f’xi Eden tal-ġejjien. Oħrajn huma aktar skuri u apokalittiċi fejn it-tensjonijiet soċjali jinħassu mill-ewwel fil-kompożizzjoni. Dan ix-xogħol kollu huwa msejjes fuq riċerka u narrattivi minn dokumenti storiċi u arkivjali, fatti, anedotti u narrattivi fittizji maħduma minn Glen Calleja li għandu f’idejh id-direzzjoni artistika ġenerali tal-proġett.
Xenarji bħall-komunità ta’ robots trogloditi f’Għar il-Kbir jew il-laboratorju sotterranju fil-bir taż-żejt fl-inħawi tal-Madonna taż-Żejt huma mimlija saffi ta’ dettalji u mikro-narrattivi li spiss joħolqu sens ta’ skumdità emozzjonali. Is-sitwazzjonijiet li jirrapreżentaw jiffurmaw sensiela ta’ provokazzjonijiet orkestrati biex jixprunaw il-ħsieb u l-immaġinazzjoni ta’ min jara dax-xogħol.
Fl-istampi hemm wkoll diversità sħiħa ta’ flora u fawna. Hemm ġrieden jiġru fil-kantunieri mdallma tal-istazzjon tal-Belt. Hemm klieb u qtates jiġru ħielsa fit-toroq tal-Mandraġġ u fl-isfond hemm saħansitra żiemel jippassiġġa waħdu qalb karozzi pparkjati. Hemm tigra ddomestikata marbuta fost l-elementi l-oħra tar-residenza troglodita f’Għar il-Kbir u naħal ġgantesk iħuf madwar xehda kbira dehbija fil-Kerċem.
Kull xenarju, kemm jekk utopiku kif ukoll jekk huwa apokalittiku, huwa mimli ħajja u ħlejqiet bħallikieku l-istampi qed jiddikjaraw li l-ġejjien mhux se jkun nieqes mill-ħajja u li l-protagonisti tal-istorja mhumiex biss il-bnedmin. Ir-referenza għall-Intelliġenza Artifiċjali tirrikonoxxi wkoll possibiltajiet ta’ ġejjien maqsum anke ma’ tip ieħor ta’ ħlejqa ‘ħajja’, ir-robot umanizzat u intelliġenti biżżejjed biex saħansitra jieħu ħsieb it-tfal tal-bniedem.
Il-wirja ta’ Five Five hija parzjalment iffinanzjatha minn Arts Council Malta u se tiftaħ fuq solideye.eu mill-5 ta’ Ġunju. Għal aktar dettalji żur il-paġna www.facebook.com/pg/FiveFive3D