Pajjiżna huwa xortieh tajba f’dik li hija rikezza storika u kuturali. Għalkemm imxejna sew fir-rigward ta’ apprezzament lejn l-istorja tagħna, xorta ssib persuni li jgħidulek ‘f’dak il-mużew qatt ma mort!’ Jista’ jkun ukoll li jgħidulek li l-aħħar darba li żaru xi mużew kien meta kienu għadhom fil-primarja mal-klassi tagħhom.
Hija ħasra għaliex il-mużewijiet ta’ pajjiżna huma tassew ‘state of the art’, attrezzati b’dak kollu li tara f’mużewijiet barra minn xtutna. U qed ngħidu dan għax spiss inżuru pajjiżi fuq xi btala u nistagħġbu b’dak li naraw mentri dak li għandna pajjiżna, qajla nkunu nafu bih.
Apparti n-numru sabiħ li jaqgħu taħt il-kura ta’ Heritage Malta, hawn ammont ta’ mużewijiet privati fl-irħula li jkunu ndukrati minn familji. Dawn ukoll ta’ min wieħed iżurhom għaliex ikun fihom partikolarità ħelwa.
Mużew minnhom hija Casa Bernard fir-Rabat (Rabat li jissejjaħ tal-Imdina) li hija palazz ħelu li jmur lura għas-seklu 16. Fih naraw l-evoluzzjoni matul is-snin għaliex kull perjodu ħalla marka fuq din id-dar jew aħjar palazz.
Ritratt: Il-Faċċata ta’ Casa Bernard/ Casa Bernard.eu
Fatt interessanti li fl-1723 Dr. Salvatore Bernard li kien ta’ oriġini Franċiżi beda jgħix f’dan il-palazz u b’hekk dan il-post ħa ismu minnu. Bernard kien it-tabib personali tal-Gran mastru ta’ pajjiżna u għalhekk kien meqjus ta’ awtorità.
Illum dan il-palazz huwa kkurat minn George u Josette Magri li huma għalliema u li jgħixu fil-palazz innifsu. Inħeġġugkom iżżuruh. Meravilja! Għal żjara bbukkjaw fuq 9984 4343. Isimgħu minna u żuruh!
Ritratt: Casa Bernard minn ġewwa/ Trip Advisor