Inzertajtuha żgur din il-binja xi darba jew oħra u spiss in-nies isaqsu x’kienet?! Fl-1886 grupp ta’ nobbli mill-Imdina kkummissjunaw lill-arkitett Ingliż Webster Paulson biex jiddisinjaw ‘club house’ li kellha tinbena fuq is-Saqajja. Jingħad li dan għamluh minħabba li qabel kienu jiltaqgħu għand il-familja De Piro iżda mbagħad kien hemm xi diżgwit u l-Ingliżi riedu post fejn jissoċjalizzaw għalihom. Imma dan mhux ikkonfermat.
Il-binja tlestiet fl-1887 u Paulson kien laħaq miet f’Awissu ta’ dik is-sena qabel ma tlesta x-xogħol. B’hekk il-Casino Notabile kien tal-aħħar li ġie ddisinjat minnu. Din il-binja tgawdi veduti mill-isbaħ ta’ Malta quddiemha. Propjament din il-binja hija l-ponta tal-veduti (Point de Vue); liema isem intuża bir-raġun minn restorant viċin għaliex igawdi wkoll mill-istess veduti. Il-binja turi influwenza fuq Paulson mill-arkitettura Beaux Arts Franċiża li kienet popolari f’Pariġi u Nizza. Ġewwa nsibu 2 t’ikmamar mdaqsin fejn hemm ukoll bust tat-terrakotta tal-Gvernatur Sir John Lintorn Simmons li kien irrestawrat mill-Fondazzjoni Wirt Artna fl-2018.

Quddiem il-Casino Notabile hemm taraġ li llum jilqa’ fih bosta restoranti. Dari kien bħal ‘red light district’ fejn kien hemm xi forma ta’ attività notturna. Irridu niftakru li r-restorant Point de Vue kien ukoll lukanda minn tal-bidu f’pajjiżna u vjaġġatriċi partikolari kienet tiddeskrivi li fuq il-gżira ma kienx hawn ħafna lukandi fis-seklu 19 u din kienet waħda mill-aqwa li kien hemm.
Fil-bidu tas-seklu 21, il-binja kienet abbandunata u fl-2008 saru planki tal-injam biex jipprevenu li l-Casino Notabile jispiċċa jintilef għal kollox. Hija binja mibnija fuq tafal u għalhekk dejjem hemm moviment fil-pedamenti. Minħabba s-saffi porużi tal-akkwata, il-ġebla tbati spiss minn melħ li jqaxxarha kontinwament. Il-Kunsill tal-Mdina dejjem insista biex din tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Ħafna huma n-nies li spiss isaqsu kif din il-binja tagħmel parti mal-Imdina meta tinsab barra l-ħitan tal-belt kapitali l-antika. Tajjeb li niftakru li l-Imdina kienet ferm ikbar iżda kienet ċċeknet fi żmien l-Għarab.
Ir-restawr kien beda fl-2015-2016 b’għajnuna wkoll mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej (dak iż-żmien) Ian Borg bis-somma ta’ €400,000 għal dan ir-restawr. Il-binja llum tinsab amministrata minn Clifford Galea (storiku) sa mill-2016 fuq bażi volontarja bil-għan li tilqa’ fiha wirjiet artistiċi u attivitajiet kulturali minn żmien għall-ieħor. Il-Kunsill Lokali tal-Imdina mmexxi mis-Sindku Peter Dei Conti Sant Manduca jgħożżu dan il-Casino Notabile u jagħtih importanza mistħoqqha tant li minn żmien għall-ieħor jara li l-binja tibqa’ kkonservata sew u miżmuma fl-aqwa stat.
Il-Casino Notabile huwa monument ta’ Grad numru 1 f’pajjiżna.
Ritratt: Facebook/ Isma’ Ftit/ Casino Notabile Mdina