Aħna poplu ferrieħi, ċelebrattiv, ċajtier, altruwist… u l-aġġettivi sbieħ ma jieqfux. Imma aħna wkoll poplu żbukkat, xi ftit polemikuż u li ngergru wkoll. Hija normali għaliex wara kollox, għalhekk fil-bniedem hemm dawk il-burdati biex ikunu espressi fil-ħajja tagħna.
Iżda għaliex fuq mument ta’ ferħ ġieli rridu nikkritikaw? Għaliex ngħiru meta xi ħadd jagħmel xi ħaġa tajba? Minħabba l-politika? Minħabba għira? Minħabba l-istorja twila ta’ kolonjaliżmu li rabbiet ċerta kritika fina?
X’taħsbu kieku nibdew nirrealizzaw iżjed x’għandna tajjeb u napprezzaw u nfaħħru. Anke jekk forsi nixtiequ li nkunu aħna flok ħaddieħor. X’taħsbu kieku ma niddejqux infaħħru x’għamel il-partit oppost jekk ikun pass tajjeb? X’taħsbu li kieku forsi nrażżnu ftit ilsienna kultant mhux ninħbew wara l-midja soċjali li hija l-aktar arma faċli li saret tintuża llum il-ġurnata.
Naħseb tkun skuża li nwaħħlu li għax drajna hekk jew għax konna dejjem ikkmandati fil-passat, allura l-karattru tagħna huwa hekk. X’tasbu?!
Din hija parti mill-kultura tagħna li forsi ma nieħdux gost dejjem nisimgħu fuqha imma hija fatt. Għandna ħafna tajjeb; għandna l-ħażin ukoll u dan ma jfissirx li ma nikkritikawx. Iżda hemm mod u mod kif nikkritikaw. Il-kritika pożitiva u kostruttiva dejjem tiġġenera ġid u toħloq riżultat.
Mill-banda l-oħra, il-kritika distruttiva toħloq katina ta’ aktar negattività li ma jkollhiex farka ġid fiha. Irridu nemmnu li aħna poplu tajjeb, u li kapaċi nkunu iżjed maturi fl-azzjonijiet tagħna!
(Artiklu bi ħsieb ta’ riflessjoni)
Ritratt: vox.com