Żgur li rajtuha din in-niċċa xi darba jew oħra intom u għaddejjin mit-triq tal-Barrani. Tinsab fil-ġenb wara ċint. Tkellimna mal-istoriku Tarxieniż Joseph Farrugia li qalilna li n-niċċa hija antika u li aktarx flokha kien hemm il-Knisja l-oriġinali tal-Lunzjata u mbagħad ħattewha bejn l-1610 u l-1627.
Tajjeb insemmu li Ħal Tarxien kienet diġà parroċċa fl-1592. Meta ġie Monsinjur Pietro Dusina fl-1575 kien qal li l-knisja tal-Lunzjata tinsab 200 qasba ‘l bogħod mill-Kappella ta’ Santa Luċija u allura meta tagħmel il-kalkoli, din in-niċċa tiġi eżatt fil-post li dawn il-qisien jimmarkaw.
Imbagħad interessanti l-fatt li flok il-knisja tal-Lunzjata li nafu biha llum, kien hemm 3 kappelli; dik ta’ San Nikola, ta’ San Pawl u ta’ San Luqa. Fil-misraħ kien isir it-tpartit tal-mogħoż. In-nies però kienu jgergru li l-Knisja tinsab ‘il bogħod miċ-ċentru ta’ Ħal Tarxien allura waqqgħu t-3 kappelli li għadna kif semmejna, ħadu l-benfiċċji tagħhom u bnew dik preżenti.
Xi storja, xi ġmiel.
