Fl-ewwel messaġġ tiegħu b’mod virtwali, l-Isqof Elett tal-gżira Għawdxija wassal messaġġ ta’ tama u pożittività fejn appella biex ngħinu lil xulxin inkunu kuntenti. “B’hekk inkunu sinjuri…” tenna l-Isqof, il-Monsinjur Anton Teuma.
L-għan tiegħu huwa li nimxu flimkien, mhux wieħed quddiem u wieħed wara iżda flimkien lejn l-hena, lejn il-persuna ta’ Ġesù. Hekk qal l-Isqof Teuma minn qalbu f’messaġġ li jkompli juri li l-Knisja Maltija u Għawdxija taħt il-kappa tar-reliġjon Kattolika, dejjem lesta toffri idha lill-batut, lis-sinjur ukoll, lil kulħadd, dawk imtaqqlin, dawk imġarrbin, dawk kollh li jeħtieġu serħan.
Minn wirtmalta.mt nawguraw lill-Isqof Teuma li ser ikun id-9 Isqof t’Għawdex. Nieħdu l-okkażjoni li nsellmu lill-Isqof Mario Grech, il-predeċessur tiegħu li wettaq ħafna ġid u li fih spikkat l-umiltà u l-imħabba fidila lejn il-merħla.
Dun Anton Teuma huwa mix-Xagħra Għawdex u għandu 56 sena fejn serva bħala d-direttur Pastorali tal-Kummissjoni Djoċesana Familja f’Għawdex. Kien ordnat saċerdot mill-Isqof Nikol Cauchi fl-1988 u serva u ħadem ukoll fid-Djoċesi ta’ Ruma.
Ritratt: L-isqof Elett Anton Teuma flimkien mal-predeċessur tiegħu l-Isqof Mario Grech/ Diocese of Gozo