Minn meta bdejna dan is-sit, mill-ewwel ħsiebna kien li ninteressaw lill-pubbliku kollu. U min ma jinteressahx minn pajjiżu? Ilkoll inħobbu lil Malta u Għawdex tagħna, li bit-tajjeb u l-ħażin tiegħu, pajjiżna sawwarna u tana identità.
Ridna li dan is-sit ikun interattiv magħkom il-qarrejja u anke tkunu intom stess li tikkontribwixxu fih. Għalhekk qed inħeġġukom li jekk għandkom x’tirrakontaw, x’turuna, forsi xi filmat antik, xi ritratt li qatt ma rajna, biex tkellmuna.
Aħna lesti li nisimgħukom. Irridu li dan is-sit ikun memorja kollettiva ‘online’ (bl-Ingliż tissejjaħ ‘oral history’ / storja orali għaliex tingħad bil-fomm) għal dawk li jinteressahom ġrajjiet pajjiżna u għaliex le, forsi jintuża minn studenti jew persuni li qed jagħmlu xi riċerki.
Jista’ jkun xi rakkont ta’ dari jew xi ritratt ta’ xi raħal differenti minn kif nafuh illum, xi festa li tbiddlet maż-żmien, xi tradizzjoni, xi post storiku li ntilef…
Grazzi kbira mill-qalb li qed tagħtuna kritika kostruttiva. B’hekk inkomplu ntejbu l-prodott tagħna! Il-kburija tagħna mhux min qed jikteb l-artikli, tant li anqas qed niktbu isimna, għaliex il-kburija tagħna hija MALTA. Li ngħidulkom żgur huwa li nħobbu lil din l-art ħelwa…
Ritratt: Maltin ifittxu qalb it-tifrik li kkawżat it-Tieni Gwerra dinjija fl-Isla/ Gazzetta Illum