Il-Ministru tal-Kultura Josè Herrera qal li jekk jitneħħew monumenti tal-era kolonjali, dan ikun att redikolu. Tenna li bl-istess kejl għandna nneħħu wkoll l-istatwa ta’ La Vallette fejn Malta kienet taħt it-tmexxija tal-Ordni ta’ San Ġwann.
“Ikun redikolu li jitneħħew monumenti li jappartjenu għall-perjodu imperjali. L-istorja ma tistax tibdilha u trid tittieħed fil-kuntest tal-era partikolari”, tenna l-Ministru Herrera fil-parlament.
Irrefera wkoll għall-George Cross li anke jinsab fuq il-bandiera Maltija li ngħata bħala rikonoxximent għall-qlubija tal-poplu Malti waqt it-Tieni Gwerra Dinjija u b’hekk ma kienx att ta’ umiljazzjoni anzi pjuttost il-kontra.
“Li nkissru l-monumenti, ma tibdilx l-istorja”, insista l-Ministru tal-Kultura Josè Herrera.
Din il-mewġa biex insejħulha hekk qed isseħħ wara li f’bosta pajjiżi madwar id-dinja qed jitkissru jew jitneħħew monumenti tal-era kolonjali tagħhom, wara l-qtil tal-Afrikan Amerikan George Floyd minn pulizija fl-Amerka.
Ritratt: Ir-Reġina Vittorja fi Pjazza Repubblika-Il-Belt Valletta/ Gwida.mt