Ritratt li fih preġġju kbir għal bosta raġunijiet. L-ewwelnett għaliex issa għandu ż-żmien. It-tieni, fih naraw lill-Prinċipessa Eliżabetta ssellem il-memorja ta’ dawk mejta fl-ewwel u fit-tieni Gwerra Dinjija quddiem il-‘war memorial’ tal-Furjana viċin il-bidu tal-Belt Valletta.
(Il-war memorial kien sar fi żmien il-Gvernatur Charles Bonham Carter fil-11 ta’ Novembru tal-1938 iżda fl-1949 kien reġa’ ġie ddedikat mill-ġdid għal dawk ukoll li mietu fit-tieni gwerra dinjija. Kien sar mill-artist Malti Louis Naudi.)
Dan għamlitu waqt żjara li għamlet f’Malta bejn l-20 ta’ Novembru u t-28 ta’ Diċembru tal-1949. Jiġifieri kienet qattgħet il-Milied f’Malta u damet iżjed minn xahar hawnhekk. Ftit wara mbagħad reġgħet ġiet lura biex toqgħod fil-Villa Guardamangia flimkien mar-raġel tagħha, il-Prinċep Filippu.
Il-Prinċep Filippu kien stazzjonat hawn Malta peress li pajjiżna kien qed iservi ta’ bażi navali u militari għas-servizzi Ingliżi.
Dawn kienu l-ewwel snin taż-żwieg ta’ din il-koppja Rjali.
Ritratt: Il-Prinċipessa Eliżabetta ssellem lil dawk li tilfu ħajjithom fil-gwerer dinjijn quddiem il-Monument tal-Gwerra fil-Furjana
(Ħajr speċjali lill-Familja Boffa ta’ dan ir-ritratt)