Fi Stqarrija li ħarġet il-Kurja ġew ippubblikati direttivi dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-festi għal din is-sena 2020; is-sena li biddlet ħafna attivitajiet minħabba l-Covid-19. Dawn id-direttivi, ser jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju u japplikaw biss għal din is-sena.
Il-festa ser tkun iċċelebrata permezz ta’ Quddiesa Solenni u pellegrinaġġ mat-toroq tal-belt/raħal, fid-data tal-festa liturġika jew fil-Ħadd li s-soltu tkun iċċelebrata l-festa fix-xhur tas-sajf. Għal dawk il-festi li diġà għaddew ser tinstab ġurnata alternattiva.
Il-pellegrinaġġ, li huwa mixja ta’ fidi, ser ikun karaterizzat minn talb parteċipattiv u jista’ jinkludi s-sehem ta’ baned li jakkumpanjaw it-talb b’innijiet reliġjużi.
It-tiżjin tal-armar fuq barra jista’ jsir diment li l-Knisja ma tidħolx fi spejjeż oħra. Dan ma jgħoddx għal armar li jintuża biex isir talb!
L-Isqfijiet appellaw għall-maturità u l‑koperazzjoni bejn dawk kollha involuti sabiex il‑festa tagħti ġieħ lill‑qaddisin protetturi tagħna u tkun verament espressjoni ta’ radd il-ħajr lil Alla.
Għal aktar dettalji ara: http://ms.maltadiocese.org/WEBSITE/2020/INFORMATION/DIRETTIVI%20FESTI%20-%20FINAL.PDF
Nota: Informazzjoni mill-istqarrija tal-Kurja li ħarġet illum 23 ta’ Ġunju 2020
Ritratt: Il-Festa ta’ Marija Bambina fil-Mellieħa/ Malta 5D