U għal darb’oħra r-rispons tagħkom ma qatax. Verament grati lejkom u turuna kemm hu għal qalbkom wirt pajjiżna. Joseph Busuttil mill-Isla bagħatilna dawn iż-żewġ ritratti l-ġmiel tagħhom tal-planċier l-antik tal-Banda li kien jintrama għall-festa tal-Bambina.
Qalilna li kien jintrama fil-fetħa li hemm fi Strada Vittorja u kien jinżamm fil-kannierja tal-Knisja ta’ San Filippu Neri. Illum jinsab merfugħ fil-maħżen tal-armar tal-festa u hemm tentattiv li jiġi rrestawrat.
Jidher li wara t-tieni gwerra dinjija ftit intrama u mbagħad kien twarrab għal xi raġuni jew oħra. L-Anġli li jidhru fir-ritratt ukoll għadhom jeżistu. Xi ġmiel! Min jaf min kienu dawn in-nies li jidhru fih!
Ritratt: Planċier tal-banda-Isla/ Joseph Busuttil