Il-Kuratur Anzjan tal-Palazz tal-Granmastru Emanuel Magro Conti qal waqt intervista fuq TVM li kien hemm maħsub ġnien li jagħmel mal-palazz fejn illum hemm Pjazza Reġina. Dan hekk kif żewġ iljuni kbar tal-ġebel tas-seklu 19 li kienu intenzjonati biex joqogħdu fuq l-arkati tal-entratura tal-ġnien, għal bosta snin kienu jżejnu d-daħla tal-armerija fejn aktar tard kien jiltaqa’ l-parlament.
Dan ġara għaliex ħasbu li kienu tqal wisq; fil-fatt jiżnu maż-żewġ tunnellati. Is-Sur Magro Conti tenna li l-iskultura aktarx hi ta’ Ferdinando Dimech.
Dawn l-iljunu baqgħu fid-daħla tal-armerija għal aktar minn 100 sena meta mbagħad tpoġġew fil-bitħa li tissejjaħ Prince Albert fl-1976. Illum ittieħdu lura fil-post oriġinali tagħhom quddiem il-bieb prinċipali tas-sala fejn kien jiltaqa’ l-Parlament, li qabel kienet tilqa’ l-Armerija.
Ritratt: Wieħed mill-iljuni waqt l-operazzjoni li saret biex ittieħdu fil-post oriġinali tagħhom/ TVM