Fi stqarrija mill-Arċidjoċesi ta’ Malta tħabbar li din se tidħol għal xogħol ta’ restawr u konservazzjoni ta’ għaxar proġetti addizzjonali mas-17-il proġett li diġà tħabbru s-sena li għaddiet, b’investiment totali ta’ madwar €4 miljun b’kofinanzjament ta’ 80% minn fondi tal-Unjoni Ewropea.
Dawn il-proġetti jinkludu r-restawr strutturali tal-knejjes kif ukoll il-konservazzjoni ta’ diversi opri tal-arti, fosthom żewġ pitturi ta’ Francesco Zahra.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ filgħaxija quddiem il-knisja parrokkjali tal-Qrendi, li ġiet indirizzata mis-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta Michael Pace Ross, u mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej l-Onor. Stefan Zrinzo Azzopardi.
Flimkien ma’ dawn il-proġetti fi tmien parroċċi, se tiġi rrestawrata wkoll il-faċċata tal-Palazz tal-Arċisqof fil-Belt Valletta li fuq xewqa tal-Arċisqof Charles Scicluna f’diversi okkażjonijiet qed jiftaħ il-bibien tiegħu biex il-pubbliku jkun jista’ japprezza l-patrimonju reliġjuż ta’ pajjiżna u l-identità li ssawwarna.
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi stqarr li xogħlijiet ta’ restawr bħalma se jsiru fuq il-faċċata tal-knisja tal-Qrendi se jkunu qed isebbħu mhux biss il-knisja nnifisha imma anki l-qalba tal-lokalità. Zrinzo Azzopardi spjega li proġetti bħal dawn se jkunu qed isaħħu il-prodott turistiku hekk kif se jesponu r-rikezza tal-wirt storiku kulturali Malti, filwaqt li jvarjaw l-attrazzjonijiet turistiċi għal diversi lokalitajiet.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li permezz ta’ fondi Ewropej, l-investiment fis-settur turistiku, speċjalment f’dan iż-żmien, jitqies bħala essenzjali biex mhux biss inqajmu l-ekonomija fuq saqajha iżda nsaħħuha wkoll.
Il-parroċċi li qed jibbenefikaw mill-Fond Ewropew taħt il-Programm Operazzjonali I (2014-2020) huma: Ħaż-Żebbuġ, il-Belt Valletta (San Pawl), il-Furjana, il-Ħamrun (San Gejtanu), il-Qrendi, l-Imsida, l-Isla u Tas-Sliema (San Girgor).