Ftit ilu tellajna artiklu dwar restawr ta’ ljuni kbar tal-ġebel tas-seklu 19 li kienu intenzjonati biex joqogħdu fuq l-arkati tal-entratura tal-ġnien fi Pjazza Repubblika. Bosta kienu dawk li kkumentawlna dwar il-ġnien li kien hemm u li xtaqu tagħrif dwaru.
Ħadna l-inizjattiva u tkellimna mas-Sur Emanuel Magro Conti (Kuratur Prinċipali fi ħdan Heritage Malta) u qasam magħna din l-informazzjoni. Fir-ritratt tidher l-istatwa tal-Granmastru Manoel de Vilhena li kien ġie ttrasferit f’din il-pjazza fl-1858 mill-Forti Manoel.
Immedjatament wara, kienet saret bħal grada bil-ġebla Maltija u ħadid li ċċirkondaw il-pjazza biex bidluha fi ġnien. Fih tħawwlu bosta siġar u pjanti oħra u saret ukoll funtana mill-ġebla Maltija.
Huwa mifhum li dan il-ġnien kien sar għall-użu biss tal-Gvernatur; dan l-argument huwa ssostanzjat mill-fatt li l-bitħa msemmija għall-Prinċep Albert (jew kif inhi wkoll magħrufa bħala l-bitħa tal-Arloġġ ta’ Pinto) kienet okkupata minn post fejn jintlagħab it-tennis.
Iżda fl-1897, il-ġnien tneħħa, l-istatwa ta’ Vilhena, il-funtana u l-gradi kienu ttrasferuti għall-ġnien il-Mall fil-Furjana u minflok saret l-istatwa tar-Reġina Vittorja mill-artist Valenti fl-irħam li saret minn fondi pubbliċi.
Grazzi li s-Sur Emanuel Magro Conti talli qasam magħna dan it-tagħrif interessanti.
Ritratt: Il-Ġnien tal-Gvernatur fi Pjazza Repubblika