Ċelebrazzjonijiet b’differenza fi tmiem il-ġimgħa mill-Bastjaniżi
B’xorti tajba għalihom din is-sena l-Bastjaniżi ser ikunu ċċelebraw kemm il-Festa Liturġika li ssir fl-20 ta’ Jannar, kif ukoll il-Festa Titulari li tiġi ċċelebrata kull tielet Ħadd ta’ Lulju. Għalkemm ridotta u b’ħafna restrizzjonijiet minħabba l-Covid-19, il-Qriema Bastjaniżi ħejjew programm differenti minn dak tas-soltu bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festa.
Il-qofol ta’ dawn il-Festi ser jintlaħaq nhar il-Ġimgħa li ġej 17 ta’ Lulju 2020. Fin-nuqqas tal-Marċ grandjuż tal-Aħħar Tridu, s-Soċjetà Filarmonika Pinto Banda San Sebastjan se torganizza lejl mimli briju għall-Partitarji Bastjaniżi u d-dilettanti tal-Festi Maltin.
Fi Triq San Bastjan eżattament fil-pjazza ta’ quddiem il-Każin Pinto, l-Banda San Sebastjan ser iddoqq l-aktar marċi brijużi popolari matul iż-żmien fost il-briju tal-Bastjaniżi. Isegwi wkoll ser isir spettaklu Awdjo-Viżiv li ser jagħti ħarsa dettaljata lejn il-ħidma tal-entitajiet Bastjaniżi fl-aħħar sena. Is-sibt lejlet il-festa se jittella’ kunċert Live mill-Pinto Brass Band waqt attività soċjali fil-pjazza ta’ quddiem il-Każin. F’din is-serata se jieħu sehem it-talent Qormi: Sebastian Calleja, Samira Scerri u Vince Farrugia.
Il-Ħadd 19 ta’ Lulju 2020 ser ikun jum importanti u sinifkattiv għall-Qriema hekk kif il-vara maestuża ta’ San Sebastjan Martri xogħol il-Professur Ġorg Borġ ser iddur it-toroq Qriema f’pellegrinaġġ.
Tul il-pandemija smajna kemm il-darba bid-devozzjoni u talb lejn San Sebastjan Martri bħala protettur kontra l-mard. Hekk kif għamlu fil-Pesta tal-1813, il-Qriema reġgħu poġġew it-tama tagħhom f’ San Sebastjan Martri sabiex iħares lil gżejjer Maltin waqt il-Pandemija tal-Covid-19. Mumenti emozzjonanti għall-Qriema nhar il-Ħadd mistenni jkun x’ħin il-vara titulari ta’ San Sebastjan tasal biswit l-istatwa tal-ġebel li hemm fil-Pjazza tal-Knisja l-antika tal-Parroċċa ta’ San Sebastjan f’Ħal Qormi. Statwa li kienet saret b’ringrazzjament wara l-Pesta.
Awguri lill-Bastjaniżi!
Ritratt: Marċ Grandjuż Bastjaniż/ Living in Malta